Reġgħet bdiet tisħon il-qiegħa fil-Partit Nazzjonalista.
Żvelat dan il-gazzetta kulħadd, fejn qalet kif is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli u l-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono qed jibqgħu mhedda li posthom mhux se jibqa’ tenibbli konsegwenza ta’ bidla fl-istatut tal-Partit Nazzjonalista.
Bidla li permezz tagħha deputati ma jkunux jistgħu jokkupaw dawn il-karigi. Puli u Debono mhux l-ewwel deputati li okkupaw dawn il-karigi u għalhekk qed jidher evidenti li din mhi xejn għajr logħba biex iż-żewġ alleati ta’ Delia jintwerew il-bieb ta’ barra
Il-gazzetta kulħadd kompliet tgħid li kif żvelat il-Ħadd li għadda Clyde Puli ħassu urtat meta nduna b’din il-logħba kontrih, ħaġa li Delia kien konxju tagħha.
Il-Kulħadd żvelat ukoll kif il-kandidat preferut ta’ Delia għal din il-kariga kien Frank Psaila, l-eks kandidat għall-Parlament Ewropew. Iżda, Psaila wkoll iħossu xi ftit diżappuntat bil-fatt li fl-elezzjoni ta’ Ġunju li għadda ma kienx elett.
Iktar minn hekk, jista’ jkun li Psaila ma jiksibx għalkollox l-appoġġ tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li ma nsietx kif fix-xhur ta’ qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ikkampanja kemm felaħ kontra Casa u ried jeliminah. Għalhekk jidher li issa se jkun Francis Zammit Dimech li se jikkontesta lil Puli. Dan sakemm ma tkunx imbuttata qabel l-emenda fl-istatut u Puli lanqas ikun jista’ jikkontesta.
Fost dawk li jappoġġjaw din il-bidla hemm Louis Galea li hu fdat bir-riformi fil-Partit Nazzjonalista. Id-dikjarazzjoni ta’ Puli li se jikkontesta kienet interpretata wkoll bħala mossa biex torbot idejn Louis Galea u fl-Istamperija qed tinħoloq tensjoni ġdida.
Jekk tgħaddi ta’ dawk li jridu din il-bidla tkun milquta wkoll Kristy Debono, alleata oħra ta’ Delia. Fil-fatt, dawk ta’ madwar Delia qed jilmentaw li huma l-agħar li dejjem imorru għax il-Kap moħħu biex jingħoġob mal-fazzjoni ta’ Busuttil.
Jidher li nies madwar Debono qalu li hi ma tantx se tirreżisti l-bidla għax xebgħet tagħmel ġlidiet mitlufa, b’żewġha jitlef iċ-ċans li jidħol lura fil-Parlament wara li kien hu l-uniku wieħed li kien lest iċedi s-siġġu għal Adrian Delia.