B’titjib infrastrutturali ġdid, programm imfassal għall-involviment taż-żgħażagħ, flimkien ma’ appoġġ miżjud għall-voluntieri, Dar Ġużeppa Debono f’Għajnsielem, Għawdex, qed tespandi s-servizzi tagħha biex tipprovdi aktar għajnuna lill-komunità.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandolo, waqt żjara li għamlu f’Dar Ġużeppa Debono.
B’dan il-proġett, issa se jkun possibbli li l-faċilità toffri servizzi ta’ respite u anke attivitajiet tal-komunità fl-istess ħin. Dan jiżgura aktar privatezza, dinjità u effiċjenza fis-servizzi.

Il-proġett jinkludi wkoll kċina moderna, tagħmir ġdid għall-inizjattivi taż-żgħażagħ u riżorsi addizzjonali biex jgħinu lill-voluntieri u lit-tim amministrattiv.
Id-Direttur ta’ Dar Ġużeppa Debono, Maria Attard, qalet kif ġie mniedi wkoll programm speċjali li jappoġġja lil professjonisti żgħażagħ fil-qasam tas-saħħa u s-servizzi soċjali.
“Dawn il-korsijiet li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa, tajnihom iċ-ċans li jiġu, sibna professjonisti li jippreżentawlhom ċertu issues li huma jistgħu jiltaqgħu magħhom fuq ix-xogħol, imbagħad huma ddiskutew bejniethom l-aħjar li jsir u ħarġu b’ħafna proposti utli, l-aktar waħda importanti hu s-sapport meta huma għaddejjin mill-kors tal-Università.”
Maria Attard, Direttur, Dar Ġużeppa Debono
Il-Ministru Farrugia fissret kif il-Gvern se jkompli jsaħħaħ l-investiment tiegħu fis-settur tal-volontarjat bl-iskop li jattira demm ġdid lejn is-settur.
“Dan hu wieħed mill-proġetti soċjali li nemmen li f’Għawdex se jkompli jagħmel il-ġid, rajna kif fondi għall-għaqdiet volontarji taw l-opportunità biex din l-NGO tkompli tinvesti fiż-żgħażagħ Għawdxin.”
Il-Ministru Julia Farrugia