ĠEM16+ jilqa’ fi ħdanu studenti li jixtiequ jġibu jew itejbu r-riżultati tal-‘O Levels’ tagħhom. Dan il-programm edukattiv, li hu bla ħlas, joffri stipendju lill-istudenti li jkomplu jitgħallmu suġġetti akkademiċi li jwassluhom għall-eżamijiet tas-SEC.
Permezz ta’ kurrikulu riparatorju, l-għalliema jkunu jistgħu jiffokaw aktar fuq il-ħtiġijiet individwali tal-istudenti, għax joffri klassijiet żgħar għal kull suġġett, b’attenzjoni individwali.
Minbarra dan, il-programm joffri servizz ta’ guidance u mentoring biex kull student jemmen aktar fih innifsu u b’hekk ikun jista’ jimxi iżjed ’il quddiem.
Studenti, li temmew l-edukazzjoni obbligatorja, għandhom ċertifikat ta’ tmiem l-iskola sekondarja u jixtiequ jkomplu jirsistu għal marki aħjar fl-‘O Levels’, jistgħu japplikaw minnufih.
Il-programm tal-ĠEM16+ joffri l-opportunità lill-istudenti biex jitħejjew għall-eżamijiet tal-‘O Levels’ fis-suġġetti tal-Malti, l-Ingliż, il-Matematika u f’suġġett wieħed ieħor minn fost il-Fiżika, il-Bijoloġija jew l-ICT. Il-programm jinkludi l-edukazzjoni fiżika u l-PSCD u minn din is-sena beda jingħata wkoll il-kors tal-Prince’s Trust, li jiffoka fl-iżvilupp sħiħ personali u l-ħiliet meħtieġa u mfittxijin fid-dinja tax-xogħol.
Iċ-ċertifikat aħħari tal-ĠEM16+ mhuwiex imsejjes biss fuq l-eżami. Fil-fatt, jinkludi wkoll assessjar kontinwu li jsir matul is-sena u jiffoka wkoll fuq ġabra ta’ ħiliet li l-istudenti juru fil-klassi u fix-xogħol tagħhom bħall-attitudni, is-sens ta’ inizjattiva, il-komunikazzjoni u l-organizzazzjoni. Dan iċ-ċertifikat hu akkreditat f’Livell 3 tal-Malta Qualifications Framework.
Permezz tat-tieni ftehim mal-Kulleġġ għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST, jikkonsolida r-relazzjoni tajba bejn iż-żewġ istituzzjonijiet ħalli jkompli jkun hemm aktar esperjenzi ta’ suċċess għall-istudenti.
Minbarra dan, l-MCAST se jkun qed jimmodera l-assessjar li jsir fil-Malti, l-Ingliż u l-Matematika u suġġetti oħrajn ħalli tkun faċilitata t-triq biex wieħed jibda jistudja fl-istess Kulleġġ.
Dwar l-assessjar u t-triq ’il quddiem, tkellimna mas-Surmast fi ħdan il-ĠEM16+, Innocent Aquilina.
“Dan il-ftehim qiegħed jirrikonoxxi l-qabża ’il fuq li l-programm tagħna għamel meta ġie akkreditat f’livell tnejn u tlieta mid-DQSC. L-MCAST qiegħda tirrikonoxxi dan għal dawk l-istudenti li jixtiequ jkomplu mal-MCAST.”
Innocent Aquilina – Surmast Gem16
Il-Kulleġġ għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija jippromwovi l-korsijiet tiegħu lill-istudenti fi ħdan il-ĠEM16+ u fl-istess ħin jgħinhom biex jagħmlu għażla tajba tal-korsijiet li jkunu se jaqbdu wara s-Sekondarja.
“Huma jaraw il-karti wara li jiġu kkoreġuti mill-għalliema tagħna, jaraw il-karti huma, jiġu hawnhekk u jaraw il-karti jew sample mill-karti tal-eżamijiet u jagħtuna l-feedback lura ta’ dak li jkunu sabu u naraw fejn jistgħu jmorru aħjar.”
Innocent Aquilina – Surmast Gem16