Il-komunità tas-Swieqi se tkun qed tgawdi minn sala sportiva ġdida permezz ta’ investiment mill-Gvern li se jkompli jsaħħaħ l-operat ta’ diversi għaqdiet sportivi fis-Swieqi.
Dan il-proġett kien jikkonsisti f’estensjoni ta’ binja biex tiġi żviluppata sala għal skopijiet sportivi differenti.
Is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat tenna li permezz ta’ dan il-proġett, il-Kunsill Lokali qed jgħin lil dawn l-għaqdiet billi joffrilhom post adattat biex ikomplu jsaħħu l-ħidma siewja tagħhom fil-komunità.
“Jawgura tajjeb għal-lokalità tas-Swieqi biex timraħ iktar fl-isports nazzjonali. Diġà sejrin tajjeb ħafna. Huma għaqdiet li ġew iffurmati inqas minn ħmistax-il sena ilu u naħseb li kisbu suċċessi impressjonanti tul din il-mixja u dan issa li għandom minn fejn joperaw naħseb li jista’ jgħin ħafna aħjar.”
Is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li dan il-proġett huwa fost katina ta’ proġetti oħra mwettqa fil-komunitajiet mill-kunsilli lokali, permezz ta’ skemi li jiffinanzja l-Gvern minn żmien għal żmien.
Hija kompliet tispjega fuq l-importanza li l-Kunsilli Lokali jagħrfu l-bżonnijiet tal-komunità tagħhom u jutilizzaw il-fondi mogħtija lilhom sabiex jindirizzaw dawn il-bżonnijiet.
“Dan il-proġett sportiv fis-Swieqi huwa wieħed minn katina ta’ proġetti li l-Gvern ċentrali qiegħed jinvesti fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna. Dan huwa eżempju ċar ta’ kemm il-Gvern għandu għal qalbu s-settur sportiv għax issa se jkunu l-għaqdiet fis-Swieqi li se jgawdu minn dan il-proġett.”
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali Emil Vassallo qal li l-iskemi finanzjarji joffru opportunità lill-kunsilli lokali li jħarsu lejn il-ħtiġijiet tal-komunità u jindirizzawhom.
Għal din il-konferenza kien hemm preżenti diversi rappreżentanti tal-għaqdiet sportivi tas-Swieqi.