Il-komunità tas-Swieqi ser tkun qed tgawdi minn sala sportiva ġdida permezz ta’ investiment mill-Gvern li ser ikompli jsaħħaħ l-operat ta’ diversi għaqdiet sportivi fis-Swieqi.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li dan il-proġett huwa fost katina ta’ proġetti oħra imwettqa fil-komunitajiet mill-kunsilli lokali, permezz ta’ skemi li jiffinanzja l-Gvern minn żmien għal żmien. Hija kompliet tispjega fuq l-importanza li l-kunsilli lokali jagħrfu l-bżonnijiet tal-komunità tagħhom u jutilizzaw il-fondi mogħtija lilhom sabiex jindirizzaw dawn il-bżonnijiet.
Dan il-proġett kien jikkonsisti f’estensjoni ta’ binja biex tiġi żviluppata sala multipurpose biex tkun użata għal fini sportivi. Il-kunsill lokali ser ikun qiegħed jagħti l-opportunità lil diversi organizzazzjonijiet sportivi fis-Swieqi biex jagħmlu użu minn din is-sala, li ser tkun strumentali sabiex dawn l-għaqdiet jkunu f’pożizzjoni aħjar li joffru aktar opportunitajiet sportivi lir-residenti fil-lokalità.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat irringrazzja lid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali għall-fondi għal dan il-proġett. Huwa spjega li l-għaqdiet sportivi fil-lokalità ma kellhomx post minn fejn jistgħu joperaw jew fejn jiltaqgħu mal-membri tagħhom. Għaldaqstant, permezz ta’ dan il-proġett, il-kunsill lokali qed jgħin lil dawn l-għaqdiet billi joffrilhom post adattat biex ikomplu jsaħħu l-ħidma siewja tagħhom fil-komunità.
Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali Emil Vassallo qal li l-iskemi finanzjarji joffru opportunità lill-kunsilli lokali li jħarsu lejn il-ħtiġijiet tal-komunità u jindirizzawhom.
Għal din il-konferenza kien hemm preżenti diversi rappreżentanti tal-għaqdiet sportivi tas-Swieqi.