F’Malta ġie implimentat l-att li se jemmenda l-liġi dwar il-vittmi tal-kriminalità. B’hekk issa, il-vittmi li jkollhom x’jaqsmu ma’ kawżi fil-Qrati Maltin se jingħataw aktar prijorità u protezzjoni b’mod konkret.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, fejn qal li dawn l-emmendi huma msejsa fuq ħames pilastri.
Fost dawn hemm li jkun hemm ambjent sigur biex il-vittmi jagħmlu l-ewwel pass u tkun aktar faċli għalihom biex jirrappurtaw, it-titjib tal-protezzjoni u appoġġ għall-vittmi, ir-rimbors għall-ispejjeż, kooperazzjoni u koordinazzjoni fost partijiiet dwar id-drittijiet tal-vittmi u li jkun hemm tpartit ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi oħra dwar informazzjoni fuq il-persuna.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon il-Ministru Zammit Lewis qal kif għall-ewwel darba dan l-att apparti li se jagħti rimbors xieraq lill-vittmi, se jiftakar f’dawk il-vittimi b’diżabilità li jkollhom bżonn l-għajnuna fil-proċess ġudizjarju.
Qal, “Persuna li tkun vittma ta’ reat apparti d-danni li tista’ titlob, tista’ titlob għall-ispejjeż li għamlet bħal għal Avukat, għax tilfet ix-xogħol, spejjeż li jiġi kkoperat mal-prosekuzzjoni biex dak il-każ mexa l-Qorti, instabet il-ħtija u allura l-prosekuzzjoni għamlet suċċess mill-każ tagħha. Hija xi ħaġa ġdida li qed nagħmlu mal-UE però hija xi ħaġa importanti li f’pajjiżna kulħadd għandu drittijiet, inkluż il-vittmi tar-reat.”
Min-naħa tagħha il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti, qalet kif permezz ta’ dan u b’mod konrkret il-Qrati Maltin u Għawdxin se jkomplu jagħtu prijorità lill-vittma.
Spjega, “Bħala Aġenzija dwar is-servizzi tal-Qrati, il-vittmi huma prijorità għalina u għaldaqstant huwa importanti li dawn ma jiltaqgħux mal-aggressur meta jiġu fil-binja tal-Qorti għall-kawża tagħhom u aħna għandna kamra apposta li jistgħu jagħtu x-xhieda tagħhom hemmhekk inkluż il-minuri u b’hekk nassiguraw il-prijorità tal-vittma.”