Fil-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità tħabbar pass importanti b’rabta mar-riforma tal-qafas leġiżlattiv biex jiġu msaħħa d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.
Din tħabbret mill-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia, waqt il-konferenza nazzjonali organizzata mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, is-CRPD.
Din ir-riforma għandha l-għan li tagħti s-saħħa neċessarja lis-CRPD biex tieħu azzjoni konkreta kontra l-isfidi u l-inġustizzji li jaffettwaw il-persuni b’diżabilità, b’sistema b’saħħitha ta’ inforzar u aċċess aktar faċli għall-ġustizzja.
Dwar dan ikkummentat il-Ministru.
“Biex aħna nkunu nistgħu naraw li s-CRPD ikollha aktar snien dwar kif tista’ taħdem, imma wkoll numru ta’ soluzzjonijiet, kif il-pubbliku jkun inġurjat fl-operat tul il-ħajja, jista’ jkollu ridress minn panel speċjalizzat u li wieħed ikun qed jevita milli jidħol il-Qorti, imma jsib rimedju fi strutturi ġodda.”
Il-Ministru Julia Farrugia
Dawn mhux biss jistgħu jordnaw rimedji prattiċi u finanzjarji, imma jistgħu wkoll jimponu sanzjonijiet kontra min jikser il-liġi jew jostakola l-ħidma tal-Kummissjoni.
Dan filwaqt li, għall-ewwel darba wkoll, id-diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabilità se tkun rikonoxxuta b’mod ċar fil-Kostituzzjoni.