Diversi unions, konfederazzjonijiet u assoċjazzjonijiet lokali se jkunu qegħdin igawdu minn fondi sabiex ikunu jistgħu jsaħħu l-preżenza tagħhom permezz ta’ parteċipazzjoni u kollaborazzjoni f’fora Ewropej u internazzjonali.
Dan qiegħed isir mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat permezz tas-Civil Society Fund, li se jara kif dawn l-assoċjazzjonijiet jitħarrġu u jissieħbu f’networks internazzjonali.
Fil-fatt, Il-UĦM Voice of the Workers, il-General Workers’ Union, il-Malta Chamber of SMEs, il-Malta Employers’ Association u l-Forum Unions Maltin se jgawdu minn €58,000 kull wieħed sabiex isaħħu l-parteċipazzjoni u l-kollaborazzjoni tagħhom b’mod sħiħ fuq skala Ewropea u internazzjonali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandolo, innota l-importanza li tali fondi se jkunu għal dawn l-assoċjazzjonijiet.
Mauro Pace Parascandolo qalet “Qegħdin namministraw dawn il-fondi biex ngħinuhom f’affiljazzjoni, fil-mobbiltà tagħhom biex anki jipparteċipaw f’fora Ewropej b’tali mod illi l-attività li ssir kemm minn dawn il-unions tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi ħdan il-komunità tagħhom tkun ukoll influwenzata u jaqsmu l-ideat u l-esperjenza ta’ dak li issa jistgħu jaqsmu ma’ barra b’tali mod illi kollox ikun jista’ jimxi ‘l quddiem u anki huma jagħtu wkoll il-kontribut tagħhom fuq livell Ewropew.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli saħqet li t-tredjunjoniżmu għad għandu rwol importanti ħafna fis-soċjetà tagħna.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet “Nemmu allura li din il-vuċi tal-ħaddiem Malti tal-intrapriża Maltija fuq livell internazzjonali tkompli ssaħħaħ l-irwol tas-soċjetà ċivili b’mod inġenerali.”
Fost dawk preżenti kien hemm il-Viċi President tal-Malta Chamber of SMEs, Philip Fenech, li esperima s-sodisfazzjon tiegħu għal dawn il-fondi li se jkomplu jgħinu l-organizzazzjoni li hu jaħdem fiha.