Permezz tar-relazzjonijiet eċċellenti bejn Malta u l-Istat tal-Vatikan, qed issir ħidma biex jissaħħaħ it-turiżmu reliġjuż lejn pajjiżna – sabiex nies li jżuru l-Vatikan minn kull rokna tad-dinja, jestendu l-vaganza tagħhom lejn Malta.
Spjegalna dan l-Ambaxxatur għal Malta għall-Istat tal-Belt tal-Vatikan E.T. Frank Zammit fejn qal li “jkun hemm nies li jmorru l-Vatikan, anke ġejjin minn kontinenti oħra bħal per eżempju min-Nord Amerika. Li għalihom ma jafux li jekk jaqbdu ajruplan siegħa bogħod mill-Vatikan jistgħu jaraw fejn passa San Pawl. Nippromwovu l-festi tagħna, l-festa tal-Għid, il-Milied – kif nagħmluha aħna – il-purċissjoni tal-bambin, l-assi kbar li għandna li jorbtu mar-reliġjon kattolika”.
Riċentament il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela wettaq żjarat fil-Vatikan. Il-Ministru qalilna kif dawn iż-żjarat iseħħu bil-għan li jkomplu jissaħħu r-relazzjonijiet u l-ħidma fuq proġetti li ż-żewġ stati bnew flimkien permezz ta’ ħidma fuq bosta livelli. Tkellem maħna kif ir-rabta mar-reliġjon Kattolika llum qed tkompli tissaħħaħ mal-istat tal-Vatikan permezz ta’ relazzjonijiet diplomatiċi mill-aqwa, u għadd ta’ proġetti, fosthom ta’ turiżmu reliġjuż.
Min-naħa tiegħu l-Ambaxxatur Zammit spjega lir-relazzjoni bilaterali bejn Malta u l-Vatikan tmur lura għas-sena 1965, ftit xhur wara li Malta kisbet l-Indipendenza.Innota kif Malta minnufih kisbet post privileġġat fil-Vatikan hekk taħt kif il-Papa Pawlu 6, abbatini Maltin dan is-sajf, ingħataw l-unur li għal xahrejn fis-sajf iservu fil-Vatikan. Unur, spjega, li ngħata lil pajjiżna, u ħadd iżjed.
Qalilna kif ma intgħażlux abbatini oħra minn xi reġjun ieħor Taljan, imma kienu l-Maltin li ntgħażlu u baqgħu jagħmlu dan is-servizz għal 53 sena. Kompla jispjega li r-relazzjoni eċċellenti bejn iż-żewġ stati kompliet tiffjorixxi meta fl-2016 Malta kienet l-ewwel stat sovran barra mill-Italja li ingħata l-unur li jesebixxi l-presepju tiegħu fi Pjazza San Pietru.
L-Ambaxxatur Zammit ikkonkluda li l-ħidma ma tiqafx hemm, u qed jiġi preparat grupp ta’ ħbiberija bejn il-Parlament Malti u s-Segreterija tal-Istat tas-Santa Sede, biex ikun hemm iktar komunikazzjoni bejniethom. B’hekk, temm jgħid, permezz tad-diplomazija u ħbiberija bejn iż-żewġ stati, ikomplu jikbru l-koperazzjoni u l-opportunitajiet.