Rapport importanti maħruġ mill-Kummisjoni Ewropea uri tisħiħ sostanzjali fis-swieq għall-konsumaturi f’Malta. Dan l-iscoreboard, li joħroġ kull sentejn, iqabbel ukoll is-sitwazzjoni tas-swieq fis-sena 2015 mas-sena 2013.
Ir-rapport jikklassifika lil Malta mal-ewwel tliet pajjiżi fl-Unjoni Ewropea fis-swieq għal tmien tipi ta’ prodotti, minn tlettax-il suq ta’prodotti, kif ukoll minn tal-ewwel fi tlettax-il suq tas-servizzi minn total ta’ 27 suq.
Kważi s-swieq kollha minbarra tnejn kellhom market performance aħjar mill-medja Ewropea.
Intant, f’dak li hu relatat ma’ indikaturi ta’ kif ikun sejjer is-suq (market perfomance indicator), l-istudju jpoġġi lil Malta fit-tielet post fost il-pajjizi tal-Unjoni Ewropea wara l-Lussemburgu u l-Awstrija. Pajjiżi kbar bħall-Ġermanja u Franza saħansitra ġew wara Malta.
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Helena Dalli laqgħet b’sodisfazzjon ir-riżultati ta’ dan l-istudju. Dr Dalli nnotat li t-tisħiħ fis-swieq tal-konsumaturi f’Malta, fosthom swieq tant essenzjali bħall-enerġija u l-ikel ifisser żieda fit-titjib fil-livell tal-għejxien tal-konsumaturi inġenerali. Il-Ministru qalet ukoll li minkejja dan ir-riżultat pożittiv, il-Gvern se jkun qed ikompli bil-ħidma tiegħu biex l-interess tal-konsumaturi jibqa’ dejjem jissaħħaħ.
L-istudju jagħmel analiżi dettaljata tas-swieq tal-prodotti kif ukoll tas-servizzi fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u jistabblixxi kif dawn qed jaħdmu għall-konsumatur. L-analiżi tħares lejn seba’ fatturi:
- Komparabilità – kemm hu faċli jew diffiċli biex il-konsumatur iqabbel il-prodott/servizz m’oħrajn fis-suq;
- Fiduċja – kemm il-konsumaturi jħossu li l-bejjiegħa jħarsu liġijiet maħsuba biex jipproteġu lill-konsumatur;
- Aspettattiva – kemm-il prodotti/servizzi fis-suq qed jilħqu l-aspettazzjonijiet tal-konsumaturi;
- Għażla – ta’ prodotti u servizzi fis-suq;
- Detriment – rata ta’ konsumaturi li kellhom problemi b’tip ta’ prodott jew servizz fis-suq u kemm minndawn kienu ta’ detriment għall-konsumatur;
- Ilmenti – il-probabiltà li konsumatur ikollu lment fuq prodott jew servizz;
- Switching – kemm hu facli biex il-konsumatur ibiddel il-fornitur tas-servizz (service provider) jew it-tip ta’ servizz biex igawdi minn tariffi aħjar.
Dawn is-seba’ elementi joħolqu indiċi magħruf bħala l-‘market performance indicator’ li bih wieħed jista’ jkejjel kemm il-konsumaturi jgawdu minn swieq b’saħħithom, kif ukoll iqabbel mal-kumplament tal-Unjoni Ewropea.