B’investiment ta’ erba’ miljun u mitejn elf ewro se jsir tisħiħ fis-servizz ta’ respite residenzjali u s-servizz ta’ respite matul il-jum għall-persuni b’diżabilità f’Dar il-Kaptan fl-Imtarfa.
Dan propju tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli, fejn spjegat li dan l-investiment se jtejjeb ferm il-kwalità tal- ħajja tal-persuni b’diżabilità iżda mhux biss.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, iċ-Chairman ta’ Dar il-Kaptan Martin Saliba qal li dan il-ftehim se jara wkoll il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda filwaqt li se jiżdiedu l-pagi tal-ħaddiema.
Qal, “Dan il-ftehim se jkun qabża fil-kwalità fis-servizzi li se nagħtu, hija opportunità għalina illi ntejbu min-naħa tagħna s-servizz u se ntejbu anke l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tagħna… Kull persuna jkollha l-bżonnijiet tagħha u jkollha bżonn kura differenti u b’dan il-mod aħna nkunu kapaċi jkollna l-kapaċità li noffru s-servizz ferm aħjar.”
Dan l-investiment se jkopri wkoll l-ikel, l-akkomodazzjoni, is-saħħa u s-sigurtà, l-iġjene, kif ukoll attivitajiet li huma parti integrali mill-ġurnata tal-persuni b’diżabilità f’Dar il-Kaptan.
Fil-każ ta’ servizz residenzjali hemm disponibbli 17-il sodda u dan is-servizz huwa mistenni li jilħaq 200 familja. Min-naħa l-oħra, is-servizz ta’ respite ta’ matul il-jum se jkun t’għajnuna għal 15-il persuna b’diżabilità, billi jipprovdilhom kura u taħriġ tal-ħiliet li għandhom bżonn biex jgħixu ta’ kuljum fil-komunità.
Spjegat, “Il-Gvern jemmen bis-sħiħ illi persuni illi għandhom tfal b’diżabilità, għandhom bżonn ukoll illi huma jfittxu li jingħataw respite. Huwa importani li ġenituri mhumiex magna illi jaħdmu mit-tnejn sal-Ħadd għal sena sħiħa u allura għandna bżonn illi minn żmien għal żmin ifittxu illi jsibu kenn għat-tfal tagħhom u kura b’imħabba sabiex huma jiċċarġjaw il-batteriji tagħhom.”
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Ruth Sciberras spjegat li l-investiment tal-lum qed jara żieda ta’ żewġ miljun u nofs ewro mill-aħħar ftehim li sar fl-elfejn u tmintax.