Tmienja u erbgħin ħaddiem fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġew promossi għall-grad ta’ Leading Assistant Rescue Officer, biex għamlu pass ieħor fil-karriera tagħhom.
Dan il-pass ikompli jsaħħaħ ir-riżors uman tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, biex id-diversi stazzjonijiet tat-tifi tan-nar f’pajjiżna jissaħħu b’aktar persuni li jġorru ċerti responsabbiltajiet.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment, Emanuel Psaila, spjega kif id-Dipartiment qed jikber u t-tisħiħ tar-riżors uman huwa kruċjali biex issir ħidma effettiva.
Qal kif, “L-irwol tal-Leading huwa importanti ħafna fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Huwa l-persuna inkarigata mix-shift, huwa l-persuna responsabbli mix-shift tiegħu – u rridu niftakru li għandna tnax-il stazzjon b’erba’ shifts kull wieħed – u huwa wkoll l-ewwel persuna li jasal fuq l-inċident.”
Wieħed fost dawn il-ħaddiema li ġew promossi f’xogħolhom huwa Jonathan Callus, li ilu jifforma parti mid-Dipartiment bħala voluntier u anki ħaddiem full-time għal dawn l-aħħar erbatax-il sena.
Spjega kif, “Kuntent ħafna li rnexxieli nagħmel dal-pass u I look forward li nibqa’ għaddej ’il quddiem u l-esperjenza tiegħi naqsamha ma’ sħabi.”
Fiċ-ċerimonja tal-ħatra fl-istazzjon tal-Protezzjoni Ċivili fix-Xemxija, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Byron Camilleri, spjega kif dan l-irwol ipoġġi aktar piż fuq il-ħaddiema, u appellalhom biex ikomplu jitħarrġu u jwessgħu l-għarfien tagħhom.
Qal, “Wara li ffirmajna ftehim kollettiv għal dawn il-ħaddiema, l-ewwel wieħed fl-istorja, illum kien ta’ sodisfazzjon li kont ma’ dawn il-ħaddiema li qed jagħmlu tarġa ’l quddiem fil-Protezzjoni Ċivili sabiex jieħdu aktar responsabbiltà iżda wkoll joffru aktar servizzi u servizz aħjar lill-poplu Malti u Għawdxi.”