Fl-Għassa tal-Belt Valletta, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri kellu diskussjoni mal-Pulizija tad-Distrett, bħala parti mil-laqgħat ta’ konsultazzjoni li ser iwasslu għat-tisħiħ tal-liġijiet ta’ Malta f’każijiet ta’ vjolenza fuq uffiċjali tal-Pulizija u uffiċjali pubbliċi.
Il-Pulizija tkellmu mal-Ministru Byron Camilleri dwar kif ir-riżorsi li sar investiment fihom fl-aħħar snin, bħal body cams, qegħdin jagħmlu x-xogħol tagħhom fit-toroq Maltin aktar sigur.
Fil-fatt, bħalissa l-Ministru Camilleri qed jikkonsulta dwar emendi legali li jsaħħu l-pieni fil-konfront ta’ min jagredixxi membri tal-Korp tal-Pulizija jew uffiċjali pubbliċi oħra fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Fil-laqgħa mal-Ministru, il-Pulizija preżenti qalu li dawn se jagħtuhom aktar serħan il-moħħ, bil-liġi ser tkun qiegħda tissalvagwardjahom waqt li jwettqu xogħlhom.
Tkellmu kif fil-maġġoranza, is-soċjetà turihom rispett ta’ kuljum. Madanakollu, sostnew li dan ma jnaqqas xejn mill-bżonn li l-liġijiet ta’ Malta jaħsbu għal sitwazzjonijiet ta’ vjolenza fuq Pulizija, li minkejja li naqqsu b’67% fl-aħħar seba’ snin, anke jekk jifdal każ wieħed, dak l-uffiċjal għandha ssir ġustizzja miegħu.
Qal, “Il-Korp tal-Pulizija huwa familja waħda u li naħdmu kollha flimkien f’dak is-sens. Dawn l-emendi jekk ħa jidħlu fis-seħħ għandhom jagħtu aktar saħħa lill-kuntistabbli li qiegħed fit-triq għax ikun hemm deterrent iktar b’saħħtu kontra l-persuni li jazzardaw li jaslu jaħbtu għan-nies li jkunu qed jagħmlu xogħolhom fl-aħħar mill-aħħar biex jipproteġu s-soċjetà inġenerali.”