Il-Gvern se jsaħħaħ il-qasam legali biex jiġġieled it-terroriżmu u reati organizzati billi jiġġieled l-iffinanzjar tagħhom.
Meta ressaq l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att kontra Money Laundering f’isem il-Ministru għall-Finanzi, il-Ministru Owen Bonnici qal li l-Gvern ma kienx se jiġġieled il-ħasil tal-flus biss pemezz tal-emendi li kien qed iressaq iżda anke permezz ta’ direttivi oħra relatati li Malta ħadnet għalihom meta kellha t-tmexxija tal-Kunsill tal-Ministru tal-UE.
B’mod effettiv sabiex tiġi kkontrollata l-kriminalità organizzata huwa li ċċaħħad lill-kriminali milli jebbenefika mill-frott tad-delitt. Iżjed ma ssir diffiċli li wieħed igawdi mill-frott tad-delitt li jwettaq, inqas ikun attraenti li wieħed jirrikorri għall-kriminalità.
Il-Ministru Bonnici qal li organizzazzjonijiet terroristiċi jirrikjedu finanzjament kontinwu sabiex isostnu l-attivitajiet kriminali tagħhom. Huwa għalhekk importanti li fil-ġlieda kontra t-terroriżmu nillimitaw u nimminaw il-fakultà ta’ dawn l-għaqdiet li jiġġeneraw jew jirċievu flus għall-operat kriminali tagħhom.
Huwa qal li dawn l-azzjonijiet għandhom importanza akbar f’dawn iż-żminijiet meta t-terroriżmu qed jerġa’ jerfa’ rasu madwar id-dinja u b’mod speċjali fl-Ewropa.
Għalhekk il-mezzi tal-awtoritajiet Maltin biex jiġġieled il-ħasil tal-flus iridu jkunu relevanti u effettivi.
“Importanti għalhekk li nkunu viġilanti u nisguraw li s-servizzi finanzjarji u servizzi oħrajn ma jiġux abbużati għal skopijiet kriminali.”