“Huwa dritt tat-tfal li ma jkunux suġġetti għal trattament inuman u degradanti. Dan jinkuldi s-swat bħala mezz ta’ kastig. Il-Kodici Kriminali ta’ pajjiżna tgħid ċar u tond li l-użu tas-swat biex tikkoregi l-imġieba tat-tfal fl-iskola jew xi istituzzjoni huwa offiża kriminali.”
Hekk saġqet il-Kummissajru Pauline Miceli mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-tfal fejn fi stqarrija spjegat kif li nikkoreġu t-tfal jagħmel parti mill-edukazzjoni u t-trobbija tagħhom. Miżuri korrettivi huma ġusti u effettivi biss jekk jittieħdu meta t-tfal jiżbaljaw jew iġibu ruħhom ħażin u meta jirrispettaw u jippromwovu d-dinjità u s-sens tal-valur intrinsiku tagħhom.
Il-Kummissarju għat-Tfal spjegat kif is-swat bħala kastig mhuwiex mod ġust u effettiv kif wieħed jikkoreġi t-tfal għax dan iġiegħelhom jobdu u jbaxxu rashom bil-biża, għax jumiljahom u jagħmlilhom il-ħsara. Is-swat ma jagħmel ebda ġid lit-tfal iżda jgħin biss lill-adult iżomm poter fuq it-tfal. Għaldaqstant, dan it-tip ta’ kastig jagħmel ħsara mhux biss lit-tfal iżda wkoll lir-relazzjoni bejn it-tfal u l-adulti.
Qalet li jekk tinbena relazzjoni ta’ fiduċja u rispett reċiproku, fejn it-tfal b’ mod ħieles iħarsu lejn l-adulti bħala mudelli ta’ mġiba, ġenituri u edukaturi jistgħu jikkoreġu t-tfal mingħajr l-użu ta’ vjolenza fiżika jew verbali.
L-Uffiċċju tal-Kummisssarju għat-Tfal temmet billi qalet li dejjem jipprova jwassal dan il-messaġġ lil dawk kollha li jieħdu ħsieb lit-tfal. L-Uffiċċju se jkompli jippromovi t-trobbija pożittiva u jqajjem kuxjenza kif qiegħed jagħmel bil-kampanja Ii għaddejja bħalissa fuq il-mezzi tax-xandir u dawk soċjali.