Il-Gvern ħabbar li se jkun qed isir tisbiħ estensiv fl-iskola primarja ta’ Kerċem, b’investiment ta’ €3 miljun.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana waqt żjara fuq il-post, fejn qalet kif dan il-proġett se jinkludi spazji edukattivi moderni u aċċessibli.
F’din il-konferenza tal-aħbarijiet intqal kif din l-iskola nbniet lura fl-1923 u issa se tiġi rranġata għall-ħtiġijiet tal-lum.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet kif il-Gvern qiegħed jinvesti madwar €35 miljun fit-tisbiħ estensiv f’diversi skejjel f’Għawdex.
Apparti dan, il-Ministru Caruana qalet li f’Malta hemm investiment ieħor ta’ €50 miljun, fejn il-Gvern qed jinvesti fis-settur edukattiv fuq livell infrastrutturali.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni qalet kif dan il-proġett se jinkludi d-disinn mill-ġdid tal-ispazji miftuħa u anke ħolqien ta’ spazji ġodda għat-tagħlim ta’ suġġett extra-kurrikulari.
Qalet, “Ħa nkunu qegħdin nindirizzaw il-problemi ta’ aċċessibilità, bini qadim, servizzi qodma u ħa jkollna struttura totalment ġdida. Però fuq kollox se nkunu qegħdin ninvestu wkoll fil-faċilitajiet sportivi, fejn dan il-grawnd partikolari ħa jingħata t-turf u anke affarijiet oħra.”
Il-Ministru Caruana saħqet ukoll li f’din il-binja se tkun indirizzata l-aċċessibiltà sabiex tkun konformi mal-liġi.
Il-proġett ser jinkludi wkoll servizzi ġodda, fosthom dawk tad-dawl, ilma u konnettività tal-internet fost oħrajn.
Hawnhekk ġie spjegat li sakemm isiru x-xogħlijiet u anke sabiex ikun evitat kull periklu, it-tagħlim ser jingħata fi klassijiet temporanji f’din l-istess skola.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, Neville Young qal li dan il-proġett huwa kullana ta’ proġetti li qed isiru fl-iskejjel f’pajjiżna.
Qal, “Dan huwa proġett ieħor minn sensiela ta’ proġetti illi l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada qed tagħmel, li permezz tagħhom qed tagħmel rinovar u refurbishment mill-ġdid tal-iskejjel eżistenti.”
Intqal ukoll kif il-kuntratt tal-proġett se jkun ippubblikata fi ftit tal-ġimgħat oħra.