Il-Ministru tat-Transport u l-Infrastruttura Joe Mizzi inawgura proġett ta’ tisbieħ fil-bajja tal-Fekruna.
L-ewwel fażi ta’ dan il-proġett kienet tikkonsisti fit-tneħħija u tħammil tal-materjal l-antik biex isiru passaġġi u aċċessi ġodda. Ix-xogħlijiet jinkorporaw il-parti ta’ fuq u l-parti t’isfel li tmiss mal-baħar, fejn l-għan prinċipali kien li jkun hemm aċċess aħjar u fl-istess ħin isir it-tisbiħ meħtieġ.
Fażi importanti f’dan l-istadju kienet it-trattament tal-moll eżistenti. Fil-fatt saru interventi biex dan ikun kollu aċċessibbli, speċjalment id-dawra li tmiss mal-baħar. Barra minn hekk inbnew mill-ġdid turġien sabiex jingħata aċċess sikur għall-inħawwi li qabel ma setgħux jintlaħqu faċilment u mingħajr periklu. Fil-fatt, peress li dawn l-inħawi huma popolari wkoll mal-għaddasa, kien importanti li jsir aċċess tajjeb għalihom filwaqt li jitneħħa kull periklu. Għalhekk, saru xogħlijiet importanti, fosthom it-taraġ li jippermetti lill-għaddasa biex jinżlu fil-baħar mingħajr diffikultà. Ma’ dawn ix-xogħlijiet ġew installati numru metri ta’ railing tal-ħadid mad-dawra li tagħti għall-baħar.
Dan il-proġett kompla jingħata dehra mill-isbaħ, billi tpoġġew ġebel kbar mal-perimetru tal-moll, filwaqt li tħawlu numru ta’ siġar indiġeni, pjanti u arbuxelli. Barra minn hekk, biex ikun hemm aktar sigurtà u anke biex jingħata dehra differenti matul il-lejl, saret sistema ġdida ta’ dawl, b’fanali u dwal oħra, b’mod partikolari tul it-triq, il-passaġġ u it-taraġ prinċipali li jagħti għan-naħa t’isfel tal-proġett.