Il-Kunsill Lokali tal-Birgu għamel xogħol ta’ titjib u tisbiħ fi spazju rikreattiv fi Triq San Dwardu.
Dan sar b’investiment ta’ ftit aktar minn €40,000, permezz tal-iskema ‘Finanzjament għall-Iżvilupp u Titjib fil-kundizzjonijiet tal-Playing Fields fil-Lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex’. L-iskema kienet varata fl-2022 mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.
L-għan ewlieni ta’ din l-iskema hu li l-kunsilli lokali jkomplu jsostnu l-importanza tal-isport u tar-rikreazzjoni, li huma żewġ fatturi importanti li jikkontribwixxu għall-kwalità ta’ ħajja aħjar, favur is-saħħa u l-ħarsien tal-individwu. Spazji rikreattivi fil-qalba tal-lokalitajiet huma riżorsa importanti li jippermettu u jħeġġu dawn il-fatturi.
Dan il-proġett kien jikkonsisti minn tapit tal-lakstu madwar l-ispazju kollu u mhux taħt it-tagħmir tal-bandli biss, grada fid-daħla tal-bandli u CCTV kameras għal aktar sigurtà.
Saret ukoll sistema ġdida ta’ dawl u twaħħlu arbli u bozoz ġodda, waqt li l-kunsill lokali xtara apparat apposta għaż-żamma u l-indafa tal-post. Is-Sindku John Boxall qal li, permezz ta’ dawn il-fondi addizzjonali, il-kunsill seta’ jkompli jinvesti favur aktar sigurtà u aċċessibbiltà u fiż-żamma u fil-manutenzjoni ta’ dan l-ispazju rikreattiv.
Is-sindku John Boxall qal “Bis-saħħa ta’ din l-iskema li nsebbħu l-ispazji pubbliċi, il-Kunsill Lokali tal-Birgu kompla biex jirranġa din l-unika playing field li għandna fil-lokalità.”
Waqt żjara f’dan l-ispazju rikreattiv, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret l-impenn u d-dedikazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Birgu favur dan il-proġett.
Qalet li l-kunsilli lokali jafu l-aħjar il-bżonnijiet tal-lokalitajiet rispettivi tagħhom u hu għal dan l-għan li l-Gvern jibqa’ jagħtihom f’idejhom dawk l-allokazzjonijiet u r-riżorsi meħtieġa.
Alison Zerafa Civelli qalet “Dan huwa spazju rikreattiv frott il-ħidma tal-Kunsill Lokali tal-Birgu li mhux biss ħoloq u bena din il-playing field, imma wkoll ra li jagħmel użu tajjeb mill-fondi addizzjonali permezz ta’ skemi maħruġa ħalli jżommha f’kundizzjoni tajba u b’hekk tkompli titgawda mit-tfal.”