Is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Graziella Galea rriżenjat minn sindku wara li fil-bidu tax-xahar, il-kunsilliera ppreżentaw mozzjoni ta’ sfiduċja fil-konfront tagħha.
Galea, bint l-ex ministru Ċensu Galea qalet li se żżomm is-siġġu ta’ kusnillier u talbet biex il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-konfront tagħha tiġi posposta.
Fil-bidu tax-xahar, il-kunsillieri Laburisti u żewġ ex kunsillieri tal-Paritt Nazzjonalista ressqu mozzjoni ta’ sfiduċja fis-sindku dwar problemi ma jaqtgħu xejn fit-tmexxija tal-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar.F’dawn l-aħħar xhur l-operat ta’ dan il-kunsill kien staġna għalkollox hekk kif irreżenjaw xejn inqas minn tliet kunsilliera Nazzjonalisti minħabba l-aġir tas-Sindku Nazzjonalista u l-problemi interni li għandu l-istess Partit. Kawża t’hekk il-Partit Nazzjonalista tilef il-maġġoranza tal-kunsilliera li kellu jirrappreżentawh fl-istess Kunsill.
Fil-mozzjoni ngħad li s-sindku ma kinitx tgwadi l-appoġġ tal-maġġoranza tal-kusnillieri tal-lokali. Żied jingħad li l-Bord ta’ Governanza Lokali saħansitra sab lis-sindku ħatja li kisret ir-regolamenti finanzjarji u l-proċeduri stabbiliti.
Il-kunsillieri saħqu wkoll Galea naqset milli tassigura li l-fondi li rċieva l-kunsill ġew investiti biex titjib l-infrstruttura tal-lokalità.
Fl-ittra tar-riżenja tagħha, Galea akkużat lill-kunsillieri inkluż dawk nazzjonalisti li ma ħadmux għall-interess tar-residenti u li naqsu milli jattendu għal-laqgħat tal-kunsill. Hija qalet li l-kunsill ma tħallix jaħdem kif suppost, minħabba manuvri differenti minn għadd ta’ kunsillieri li skont hi m’għandhom għal qalbhom il-lokal.
L-ex-Sindku Nazzjonalista ddeskriviet lir-residenti tal-lokal bħala ostaġġi tal-mibegħda u l-kilba għall-poter ta’ xi wħud li m’aċċettawx ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Kunsill Lokali li bih ġiet eletta.
Sorsi qrib il-Partit Nazzjonalista qalu f’moħħ Galea, kien hemm David Thake, eks-xandar u kandidat tal-Partit Nazzjonalista. Thake, li qabel irriżenja, kien ddikjara li ma jaqbilx mal-pożizzjoni ta’ Adrian Delia bħala kap tal-Partit Nazzjonalista.
F’intervista li saritlu fl-aħħar ta’ Novembru l-eks kunsillier Nazzjonalista Robert Piscopo qal li Adrian Delia kien jaf dwar is-sitwazzjoni imwera tal-Kunsill iżda għażel li ma jagħmel xejn b’detriment għar-residenti tal-lokal.
Intant ONE News jinsab infurmat li fil-jiem li ġejjin ser jiskatta proċess li jitlob li l-aktar persuna anzjana fil-kunsill tiltaqa’ mas-segretarju eżekuttiv sabiex tintgħażel ġurnata sabiex issir laqgħa fejn jinħatar Sindku ġdid.