Il-Viċi Sindku u Kunsilliera Nazzjonalista tal-Gharghur, Francesca Attard, irriżenjat minn kunsilliera lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Hija ħabbret dan permezz ta’ stqarrija fuq il-midja soċjali fejn sostniet li hija wasslet għal din id-deċiżjoni wara li ħasset li għandha taħdem mingħajr pressjoni politika.
Fil-fatt, fl-istqarrija tagħha fuq Facebook, hija spjegat li trid taħdem “b’mod ħieles minn kull pressjoni politika, li ma tħallilekx moħħ miftuħ biex tagħmel dak li verament jixraq lir-residenti kollha.”
Hija sostniet ukoll li minkejja r-riżenja tagħha bħala Kunsilliera Nazzjonalista, hija se tibqa’ sservi bħala Kunsilliera Indipendenti.
ONE News huwa infurmat ukoll permezz ta’ leak mid-Dar Ċentrali, li Attard kitbet lis-Segretarju Ġenerali ġdid Charles Bonello. L-istess persuni li jkunu fil-kuriduri tat-tmexxija Nazzjonalista spjegawlna kif Attard talbet lil Bonello sabiex fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni hija “titħalla taħdem fil-kwiet.”
Dan anke fid-dawl li rreferiet għal ċirkustanzi fl-aħħar xhur, li ma ħallewla l-ebda għażla ħlief li tieħu dan il-pass.
L-istess nies li għaddewlna dawn id-dettalji spjegaw magħna, kif dan l-aħħar żvilupp ma qed jispira l-ebda fiduċja f’Charles Bonello bħala Segretarju Ġenerali ġdid tal-PN.
Dan hekk kif mindu ħa postu, il-Partit Nazzjonalista kompla jitlef il-fiduċja u jagħmel żball strateġiku wara ieħor. Hawn sar aċċenn anke għall-attakk li l-istess Bonello wettaq fuq il-festival Mużika Mużika u l-artisti tiegħu, immotivat mid-daqq tal-kanzunetta Tema 79.