Tnediet l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Science in the City li se ssir fis-27 ta’ Settembru li ġej, bħal-lum xahar.
Bit-tema The Science of You, il-programm ta’ din is-sena se jinkludi wirjiet mużikali u teatrali, żfin u spettakli tax-xjenza fost l-oħrajn. Mil-laqta xjentifika, dawk preżenti se jkunu jistgħu jipparteċipaw direttament f’numru ta’ esperimenti, kif ukoll f’attivitajiet oħra mhux tas-soltu.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-MUŻA, il-maniġer għal Diagnostic Science Laboratories f’dan il-mużew tal-arti ta dettalji dwar attività li Heritage Malta se tkun qed ittella’ waqt il-Festival tax-Xjenza u l-Arti. Bl-isem ta’ Art Detectives, il-pubbliku preżenti se jkun jista’ janalizza u jinvestiga l-kontenut vera ta’ pittura partikolari.
Preżenti kien hemm is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri li faħħar din l-inizjattiva u tenna l-impenn tal-gvern li x-xjenza titressaq eqreb lejn iċ-ċittadin. Spjega li l-ħidma tal-gvern f’oqsma bħal blockchain u l-artificial intelligence hija eżempju ta’ gvern li qed jinvesti bis-saħħa f’oqsma xjentifiċi u innovattivi. Fisser ukoll ix-xogħol li sar mill-gvern biex ikunu esplorati niċeċ ekonomiċi ġodda relatati mal-ispazju li huma ntiżi biex joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol f’pajjiżna.
Il-maniġer tal-festival Dr Edward Duca spjega l-importanza li kull attività fil-festival iddur madwar il-kunċett li tkisser it-tradizzjoni antika ta’ xjenzat maskili.
Għaldaqstant il-festival se jippromwovi ix-xjenza bħala xi ħaġa mifuħa għal kulħadd.