Ser jirritorna wara nuqqas ta’ sena l-ispettaklu ta’ Rockestra.
Din id-darba t-tema magħżula għall-ispettaklu fit-3 ta’ Diċembru hija ‘Times like these’.
Id-Direttur Artistiku ta’ Rockestra Paul Borg Bonaci spjega kif din it-tema hija addattata għal dan l-ispettaklu hekk kif qed isir f’dan iż-żmien speċifiku meta pajjiżna jidher ħiereġ mill-pandemija.
Huwa spjega kif il-kunċert ser isir skont il-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa u għalhekk ser ikun wieħed b’differenza hekk kif għall-ewwel darba n-nies ser ikunu bilqiegħda: “Ċerta songs ma konniex nagħżluhom għaliex meta jkollok kunċert bilwieqfa fejn in-nies iridu jaqbżu u jgħolew u jkantaw ma kinux jagħmlu sens. Din id-darba kellna lista kbira ta’ songs li dejjem xtaqna nagħżluhom u qgħadna lura, allura din id-darba kellna dan il-bonus ta’ songs li dejjem ngħidu dawn tajbin imma din id-darba għandna din l-opportunità għaliex għalija hija opportunità li nagħżlu songs li normalment we shy away from them.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Nazzjonali, is-Surmast Sigmund Mifsud stqarr kif wara nuqqas ta’ sena, il-kantanti u mużiċisti huma lesti sabiex jagħtu spettaklu differenti.
Il-Ministru għall-Kultura José Herrera u l-Kelliem għall-Oppożizzjoni Karl Gouder laqgħu l-fatt li dan l-appuntament ta’ kull sena issa ser ikun qed jerġa’ jieħu postu fil-kalendarju lokali wara nuqqas ta’ sena.
Dan mhux biss minħabba l-livell artistiku u kulturali li għandu dan il-kunċert iżda wkoll minħabba l-għan nobbli li għandu biex jinġabru fondi għall-Malta Community Chest Fund.
Il-President ta’ Malta George Vella nieda dan il-kunċert b’konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz Verdala.
Huwa stqarr kif ix-xhur li ġejjin sal-Istrina ser ikunu mimlija avvenimenti b’għan wieħed nobbli sabiex ikunu mgħejjuna dawk li jkunu għaddejjin mill-marda tal-kanċer. “Il-mard ħadd ma jista’ jeliminah, ċertu sitwazzjonijiet soċjali ta’ ċertu nies ħadd ma jista’ jeliminahom però meta jsibu ruħhom f’dawk is-sitwazzjonijiet ikun tajjeb kif jiġri, li jsibu min joffrilhom id illi tgħinhom xi ftit. U għalhekk jien nappella minn qalbi li dawn l-events narawhom mhux biss bħala mezz kif wieħed jiddeverti u jieħu gost iżda anke kif wieħed jikkontribwixxi direttament għall-fondi li għandha bżonn il-Malta Community Chest Fund.”
Wieħed jista’ jixtri l-biljetti għal Rockestra minn fuq is-sit Showshappening.com b’offerti speċjali għal din il-ġimgħa fejn għal kull erba’ biljetti li jinxtraw qed jingħataw tnejn b’xejn.