Tul il-jum tas-Sibt, id-dilettanti tal-fniek kellhom l-opportunità biex iżuru fiera tal-fniek, fejn setgħu jaraw aktar minn mitt fenek ta’ madwar għoxrin razza differenti.
Hawnhekk setgħu jiksbu informazzjoni dwar dak li għandhom bżonn jekk ikunu mħajrin biex jibdew irabbu l-fniek.
Rebecca Grech, li hija l-Maniġer tal-Attivitajiet fi ħdan il-Klabb Malti tal-Fniek spjegat ma’ dan l-istazzjon li fenek jista’ jitrabba b’mod professjonali, imma mhux biss għaliex dan l-annimal leali jagħti kumpanija liema bħalha.
Grech qalet, “Kull fenek għandu karattru differenti. Hawn ħafna minna jżommu l-fniek id-dar magħhom, hemm min forsi għandu kamra x’imkien imma malli jasal, il-fniek jibdew iduru fil-gaġġa biex jifirħu bihom. Litteralment bħal meta tara l-kelb li meta jarak jiġi jifraħ bik, il-fniek huma kompletament l-istess.”
Din il-fiera rritornat wara aktar minn sentejn ta’ pandemija u d-dilettanti tal-fniek kienu lkoll entużjasti biex jerġgħu jesebixxu l-fniek tagħhom.
Hija stqarret, “L-aħħar xow li għamilna kienet fl-2019 jiġifieri għadda naqra żmien mhux ħażin. Huwa tajjeb ħafna li erġajna ġejna lura l-breeders erġajna ingħaqadna kollha flimkien, in-nies erġajna qed nuruhom il-fniek x’kapaċi jkunu u kemm huma sbieħ.”
Il-flus li nġabru waqt din il-fiera marru b’risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.