Wara vjaġġ ta’ 14-il siegħa, il-Ġimgħa war nofsinhar tasal lura fid-dinja l-vettura spazjal Dragon. Il-vettura niżlet ġol baħar fi Florida. Fiha kien hemm esperiment li sar fl-ispazju minn grupp ta’ xjentisti Maltin, immexxija mill-Professur Joseph Borg mid-Dipartiment tax-Xjenza Bijomedika Applikata.
Dan hekk kif fl-aħħar ta’ Awwissu ttellgħu fl-ispazju biċċiet tal-ġilda minn saqajn ta’ Maltin li għandhom id-dijabete tat-tip tnejn, u li huma infettati bl-ulċeri. Dan sabiex jiġi studjat l-impatt fuq il-batterja li tinsab f’dawn l-ulċeri, f’ambjent ferm differenti minn dak li nsibu fil-laboratorji fid-dinja.
Matul il-perjodu li l-biċċiet kienu fl-ispazju x-xjentisti setgħu jsegwu l-proċess ta’ kif l-ambjent spazjali jaffettwa l-ġilda infettata. Dan seta’ jsir permezz ta’ moniteraġġ mill-istazzjoni spazjali internazzjonali li għamlet il-kumpanija Arkafort.
Intant, issa x-xjentisti se jkomplu fil-labortatorji tal-Università ta’ Malta flimkien ma’ kollaboraturi bbażati fl-Istati Uniti, li se jeżaminaw x’effett kellu l-ispazju fuq il-bijoloġija u l-ġenetika kemm taċ-ċelloli umani u anke tal-batterja.
Finalment, dan l-istudju jista’ jwassal għal trattamenti mediċi ġodda. Filwaqt li dawn l-esperimenti jistgħu jgħinu lix-xjentisti fil-proġetti ta’ riċerka li huma ppjanati għaż-żmien li ġej.