Ilbieraħ miljuni ta’ persuni fi Spanja u l-Portugall kif ukoll partijiet ta’ Franza, spiċċaw bla provista tal-elettriku wara qtugħ bla preċedent li s’issa għadu mhux magħruf minn xhiex kien ikkaġunat.
Sintendi kif wieħed jistenna dan ħoloq kaos fil-pajjiż b’diversi persuni jirrikorru għal xiri sfrenat li ħalla l-ixkafef tas-supermarkets u l-ħwienet tal-merċa vojta.
Hekk kif qorob nofsillejl u nofs il-pajjiż kien għadu bla dawl, il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez iddikjara stat ta’ emerġenza, bil-mexxej Portugiż, Luis Montenegro jgħid li l-awtoritajiet kienu qed jinvestigaw x’ġara għalkemm ma kien hemm l-ebda indikazzjoni ta’ attakk ċibernetiku.
Kawża ta’ dan ħafna familji spiċċaw f’darhom bid-dawl tax-xema, kien hemm diżastru ta’ traffiku fit-toroq, eluf inqabdu fil-mini tal-metro u ħadd ma seta’ jutilizza l-cards biex iħallas.
Sadanittant jidher li dalgħodu l-affarijiet bdew jirritornaw bil-mod għan-normal fejn Red Eléctrica, il-kumpanija parastatali li topera l-grid nazzjonali Spanjola, irrappurtaw li sal-5:00 ta’ dalgħodu 92.1% tal-elettriku kien irritorna u l-operatur Portuġiż REN qal li lbieraħ filgħaxija kien irnexxielu jiexel 85 mid-89 substation.
Madankollu jidher li nofs is-servizz tal-ferrovija urbana f’Madrid għadu mhux operabbli iżda is-servizzi veloċi u ta’ distanza twila issa ġew għan-normal.
Mit-8:00 ta’ dalgħodu reġa beda wkoll servizz parzjali tal-metro b’madwar 80% tal-vjaġġi jirritornaw waqt l-aktar mumenti traffikużi ta’ filgħodu. Jidher li l-operatur li jħaddem is-servizz tat-trasport fit-toroq issa wkoll innormalizza ruħu.
L-operazzjonijiet tal-ajru issa reġgħu bdew fl-ajruporti wara li lbieraħ dawn ukoll kienu affetwati bit-titjiriet kollha jkunu kanċellati.