Se tirritorna wara sentejn ta’ pandemija l-Malta Comic Con – fiera tant mistennija fejn għexieren juru x-xogħol tal-komiks tagħhom.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se ssir bejn id-disgħa u għoxrin u t-tletin ta’ Ottubru fl-MFCC f’Ta’ Qali.
Il-Ministru responsabbli mill-Kultura, Owen Bonnici, qal li l-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun mimlija attivitajiet, fosthom diversi workshops u avvenimenti tal-gaming.
Qal, “Aħna nemmnu li dan is-settur huwa importanti għaliex huwa l-post tax-xogħol ta’ ħafna artisti Maltin illi jirnexxilhom jippubblikaw komiks u disinji, u anki jsibu ruħhom f’animations li jarawhom barra minn pajjiżna. Dan huwa kollu qasam, li hija niċċa ekonomika li aħna nemmnu ħafna fiha.”
Il-President ta’ Wicked Comics, Fabio Agius, qal li din il-fiera hija pjattaforma li turi kif il-komunità li tħobb il-komiks f’pajjiżna kull ma jmur dejjem qed tikber.
Huwa spjega x’se jkun hemm fl-edizzjoni ta’ din is-sena.
Qal, “Se jkun hemm festival kbir ta’ nies li jħobbu l-komiks, artisti tal-komiks, kittieba, prodjusers, nies li jiġu bil-kostumi għal cos play. Se jkun hemm il-gaming, bħas-soltu, bil-kompetizzjonijiet. Din is-sena, bħal a għamilna fis-snin riċenti, qegħdin nidħlu f’area fejn inġibu l-atturi tal-films ukoll, u din is-sena għandna lineup mhux ħażin ta’ atturi tal-films, u qed nittamaw li se jkollna show tajjeb.” Mary Ann Cauchi, mill-Kunsill tal-Arti, qalet li l-Kunsill qed jagħti l-appoġġ tiegħu biex il-potenzjal kreattiv jitrawwem b’mod sostenibbli u professjonali.