Wara s-suċċess li kisbet is-sena li għaddiet, l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni nieda t-tieni edizzjoni tal-kompetizzjoni ‘X’Tixtieq Issir La Tikber?’ li se tkun qed tilħaq il-qofol tagħha fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku li se ssir f’Mejju 2022.
Din il-kompetizzjoni tlaqqa’ studenti tal-iskejjel primarji, li qegħdin fir-raba’, fil-ħames u fis-sitt sena, ma’ karrieri diversi li joffri s-Servizz Pubbliku. Il-kompetizzjoni hija miftuħa għall-iskejjel kollha sa nhar it-Tnejn, 11 ta’ April 2022, f’nofsinhar. Permezz ta’ din il-kompetizzjoni b’rigali sbieħ, it-tfal minn età żgħira jibdew jaħsbu fuq l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Għal din is-sena, it-tfal huma mistiedna joħolqu tpinġijiet, kitbiet, ritratti, jew filmati qosra billi jimmaġinaw x’jixtiequ jsiru la jikbru u x’karriera fis-Servizz Pubbliku jixtiequ jsegwu.
Dawk li jieħdu sehem jiġu mistednin iqattgħu ġurnata xogħol ma’ uffiċjal pubbliku fil-karriera rispettiva indikata mit-tfal stess. Is-sottomissjonijiet se jiġu esposti f’wirja diġitali bix-xogħol ta’ kull tifel u tifla, bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022.
Hemm numru sabiħ ta’ premjijiet abbinati ma’ din il-kompetizzjoni, fosthom tablets, cameras u vouchers li jissarrfu f’biljetti għall-familja kollha fl-Akwarju Nazzjonali u fil-ħanut online ta’ Heritage Malta.
Id-dettalji kollha, inklużi r-regolamenti tal-kompetizzjoni, jistgħu jiġu aċċessati minn fuq il-paġna ta’ Facebook tas-Servizz Pubbliku jew mis-sit publicservice.gov.mt.