Dalgħodu tħabbret it-tmien edizzjoni tal-ikla tal-Milied ta’ Caritas Malta. Ikla li tistieden lil dawk il-persuni li, fil-fatt, ikunu jinsabu waħedhom jew m’għandhomx il-mezzi biex din is-sena jqattgħu Milied b’dinjità fil-kumpanija ta’ xulxin fi spirtu festiv.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif is-sena li għaddiet madwar 500 persuna nġabru fil-Kurja u qattgħu jum il-Milied flimkien hekk kif darba fis-sena, il-Kurja tinbidel f’restorant kbir u ssir post ta’ laqgħa fejn tilqa’ lill‑fqir u lil min għaddej mit-tbatija.
Madwar 100 voluntier, li jinkludu ħaddiema u residenti mid-djar terapewtiċi li tmexxi Caritas, se jkunu qed jgħinu fl-organizzazzjoni tal-ikla tal-Milied.
Fl-indirizz tiegħu, id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, irrakkonta stejjer ta’ nies li għexu fis-solitudni u permezz tal-ikla tal-Milied irnexxielhom iqattgħu dna il-jum b’dinjità u minn hemmhekk saru jafu bil-gruppi ta’ sapport li toffri Caritas matul is-sena.
“Jingħaqdu magħna ġewwa l-Kurja tal-Arċisqof proprju nhar il-Milied. Għalina hi okkażjoni wkoll biex niltaqgħu ma’ dawn il-persuni ħalli nifhmu l-bżonnijiet tagħhom u ħalli wkoll inkomplu nsegwuhom mal-kumplament tas-sena.”
L-ikel għal din l-okkażjoni se jkun ippreparat mill-Fondazzjoni Alfred Mizzi, waqt li din is-sena wkoll il-koki tal-kċina tal-President ta’ Malta se jieħdu ħsieb jippreparaw ħelu tradizzjonali tal-Milied biex jitqassam waqt l-ikla.
Is-St Peter’s Foundation se tkun qed tagħti wkoll is-sostenn tagħha, waqt li l-grupp X-Tend se jkun qed joħloq atmosfera ta’ ferħ bil-mużika tagħhom.
F’isem il-Fondazzjoni Alfred Mizzi, Julian Sammut qal li huma onorati li għat-tmien sena qed jgħinu f’din l-ikla tal-Milied u dan permezz ta’ koki li fil-ħin volontarju tagħhom jippreparaw l-ikel.
L-Isqof Joseph Galea-Curmi qal li l-ikla tal-Caritas hi l-qalba ta’ xi jfisser il-Milied.
“Jien nappella lil dawk li huma waħedhom biex iċemplu u jagħmlu kuntatt mal-Caritas ħalli jkollhom din l-opportunità, għax ħadd m’għandu jgħaddi l-Milied waħdu jew fid-dwejjaq.”
Kull min għaddej minn żmien ta’ solitudni jew m’għandux il-mezzi finanzjarji biex jagħmel l-ikla tal-Milied hu mistieden iċempel fuq 79555915 jew jibgħat imejl fuq info@caritasmalta.org jew permezz tal-paġna fuq Facebook ta’ Caritas Malta.