Se tirritorna mill-ġdid il-Fiera l-Kbira, bejn is-sitta u s-sittax ta’ Lulju f’Montekristo.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet, fejn intqal kif din il-fiera, li tradizzjonalment issir fin-Naxxar, hija waħda li tqanqal in-nostalġija f’bosta Maltin.
Għalhekk, din is-sena se tiċċelebra propju din in-nostalġija, permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ Chrysander Agius u Daniel Chircop, magħrufin aħjar bħala Danusan.
Waqt it-tħabbir ta’ din il-fiera, ġie spjegat kif din is-sena, il-fiera l-kbira se tkun maqsuma f’sittax-il sezzjoni, sabiex wieħed isib fiera organizzata skont il-prodotti offruti.
Fost l-oħrajn, wieħed jista’ jsib sezzjoni tal-annimali, tiġijiet, kċejjen, kotba u opri tal-baħar fost l-oħrajn.
Daniel Chircop qal li din is-sena, il-fiera se tkun waħda varjata ferm, tant li kull min iżurha se jkun jista’ jara xi ħaġa differenti f’kull ġurnata tagħha.
“L-iskop tagħna huwa li persuna ma tistax iddurha darba, trid tiġi darba, darbtejn, tliet darbiet, u għalhekk, kuljum se jkun hemm entertainment differenti. In-nies kollha kummerċjalment ukoll, l-eżebituri se nkunu qed nagħtuhom ukoll xi affarjiet żejda biex ikunu jistgħu jesebixxu ruħhom huma wkoll. Permezz ta’ studio li se jkun hawn stess li fih jistgħu iwasslu l-messaġġi promozzjonali lin-nies li qed jarawna mid-dar jew qed jaraw il-midja soċjali, se jkollna wkoll radju qed jitrażmetti minn hawn, imsomma, se tkun esperjenza sabiħa.”
Min-naħa tiegħu, Chrysander Agius spjega li f’dan il-post mill-isbaħ, kull min iżur il-fiera, anke bit-tfal, se jkunu jistgħu igawdu lejl divertenti.
Qal li apparti d-divertiment, wieħed se jkun fiċ-ċans li joħroġ mill-fiera rebbieħ.
“Qed nagħfsu ħafna fuq it-tfal, se jkollna ice-rink, se jkollna l-ikbar bouncing castle li qatt intrema f’Malta, jiġifieri ‘il fuq minn ħamsa u għoxrin metru, u se jkun hemm ħafna attivitajiet għalihom biex ma jiddejqux mal-ġenituri bażikament. Apparti minn hekk għandna stage, u dan naħseb se jintogħġob ħafna min-nies, fejn hawn se nkunu il-ħin kollu nrebbħu r-rigali. Ovjament ikollhom jagħmlu xi ħaġa żgħira biex jirbħuħ, imma naħseb min jafna jaf x’tip ta’ comedy nagħmlu jien u Daniel, u sabiħ li toħroġ minn hemm b’xi ħaġa f’idejk.”