Bħalissa għaddejjin l-aħħar preparamenti biex tittella it-tieni edizzjoni tal-Festa tal-Annimali, attivita’ organizzata mis-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali bl-għan li n-nies jersqu aktar viċin id-dinji tal-NGOs u Santwarji li jaħdmu bla heda favur l-annimali domestiċi.
Kelliem għas-Segretarjat qal li din hi waħda mill-ftit attivitajiet ta’ matul is-sena fejn il-pubbliku jista jiġi jgawdi flimkien mal-annimal domestiku tiegħu. Qal li se jkun hemm diversi stands li joffru servizzi lill-annimali fosthom stands ta’ ikel u ħelu apposta għall-annimali, grooming u servizzi oħra.
Bħas-sena l-oħra, se jkun hemm element qawwi ta’ edukazzjoni u informazzjoni fejn b’mod partikolari t-tfal jistgħu jitgħallmu fuq diversi annimali li ftit li xejn għadek tara fit-toroq Maltin, fosthom il-Gendus Malti, numru ta’ baqar u mogħoż, u diversi tjur u rettili.
L-attività se ssir l-Għammieri nhar il-Ħadd 2 t’Ottubru 2016 mill-10am sal-5pm.
Għal min jixtieq, se tkun qed issir mixja bil-klieb fid-9.30am li titlaq minn ħdejn il-Knisja ta’ San Sebastjan f’Ħal Qormi u tintemm fl-Għammieri, fejn se tkun qed issir l-attivita’. Mal-wasla tal-annimali se ssir quddies u wara, jsir it-tberik tal-annimali.