Wara waqfa ta’ erba’ xhur minħabba r-restrizzjonijiet soċjali imposti fid-dawl tal-pandemija tal-coronavirus, il-kompetizzjonijiet tal-atletika organizzata mill-Malta Amateur Athletic Association se jkomplu nhar is-Sibt 27 ta’ Ġunju. Dan permezz ta’ programm ristrett ta’ attivitajiet li se jsiru fit-trakka Matthew Micallef St John fil-Marsa.
L-avvenimenti se jinkludu distanzi sprint ta’ 100, 200m u 400m kif ukoll it-triple jump, discus u hammer.
Minkejja li kien biss fl-aħħar jiem li l-assoċjazzjonijiet sportivi kienu infurmati li l-avvenimenti kompetittivi setgħu jkomplu, l-MAAA qed tagħmel l-almu tagħha biex tipprovdi l-aqwa opportunitajiet possibbli biex l-atleti jikkompetu fuq livell kompetittiv qabel tmiem l-istaġun.
L-MAAA tinsab f’kuntatt kontinwu mal-awtoritajiet tas-saħħa biex tiżgura li dawn l-avvenimenti jsiru b’rispett sħiħ tal-protokolli tas-saħħa u tipprovdi sigurtà massima għall-parteċipanti u l-uffiċjali kollha involuti. Il-kompetizzjonijiet se jsiru bil-bibien magħluqa.
Fost firxa ta’ miżuri ta’ sigurtà, l-atleti kollha se tittieħdilhom it-temperatura filwaqt li elementi użati fil-kompetizzjonijiet, fosthom l-istarting blocks se jiġu santizzati kontinwament. Uffiċjali differenti se jkunu qed jieħdu ħsieb żona partikolari u se jibqgħu fl-istess pożizzjoni tul l-avvenimenti kollha.
Qabel it-tellieqa tal-400, se tinżamm minuta silenzju għall-memorja tas-Sur Svein Arne Hansen, President tal-European Athletics li ħalla din id-dinja aktar kmieni din il-ġimgħa. Is-Sur Hansen kellu relazzjoni b’saħħitha ħafna mal-atletika Maltija u mal-MAAA u ħadem biex imexxi l-quddiem dan l-isport f’pajjiżi żgħar fosthom Malta.
Programm ristrett ieħor, li jkopri l-bqija tal-avvenimenti atletiċi l-oħra se jsir fl-4 ta’ Lulju.
Ritratt: Wally Galea