Is-Sibt 14 ta’ Settembru se tittella’ għal sena oħra l-Festa Ħut ġewwa Marsaxlokk.
Festa li tiċċelebra mhux biss il-ħut u s-sajd iżda lil Maraxlokk bħala l-benna ta’ ħafna mis-sajjieda Maltin.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikultura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri spjega li din is-sena għall-ewwel darba dawk li jattendu se jkollhom l-opportunità li jduru u jitilgħu fuq diversi bastimenti tas-sajjieda. Dan sabiex in-nies ikunu jistgħu jaraw b’għajnejhom l-apparat u l-għodod li s-sajjieda jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jirritornaw fuq l-art b’qabda tajba.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Silvio Parnis saħaq fuq l-importanza li l-Kunsilli Lokali jtellgħu attivitajiet oriġinali li jesponu dak li r-raħal huwa magħruf għalihom. Dan sabiex ikunu eqreb tan-nies u gvern lokali effettiv.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi fisser kif minbarra li l-attività qed tiġi mgħejjuna b’għotja ta’ €5,000 mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-ministeru mmexxi minnu qed jaħdem biex flimkien mal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir jwettqu tisbieħ taż-żona ta’ Marsaxlokk.
Huwa ħabbar li f’Ottubru se tinħareġ sejħa għall-offerti għar-riġenerazzjoni taż-żona tal-magħluq fejn ħafna sajjieda jirmonkaw u jniżżlu d-dgħajjes tagħhom.