Ir-raħal tas-Siġġiewi sinonimu mal-għeneb u s-sengħa tal-għasir tiegħu fil-produzzjoni tal-inbid, se jkun qed jerġa’ jorganizza l-‘Festa Għeneb’, il-festival li nibet biex jiċċelebra dan il-proċess li pajjiżna hu wkoll magħruf internazzjonalment.
Maż-żmien, dan l-avveniment, li din is-sena se jsir bejn is-16 u s-17 ta’ dan ix-xahar, baqa’ jikber u issa għall-ewwel darba qed jiġi estiż fuq jumejn.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Sindku tas-Siġġiewi, Dominic Grech, ta d-dettalji tal-programm mimli għal ‘Festa Għeneb’, li jinkludi minn esebizzjonijiet artistiċi u wirja tal-moda sa logħob tan-nar pirotekniku.
Is-Sibt, 16 ta’ Settembru, il-pjazza prinċipali se tkun magħluqa u wieħed se jkun jista’ jara arti u artiġġjanat Malti, flimkien ma’ ikel, divertiment minn bands lokali u wirja tal-moda marbuta mat-tema Maltija.
Min-naħa l-oħra, l-għada l-Ħadd filgħodu l-programm jissokta fuq l-aspett agrikolu, anke permezz ta’ wirja ta’ makkinarju antik, kant u żfin miżżewweġ mal-għana Malti.
Filgħaxija, il-programm jilħaq il-qofol tiegħu b’attività fejn jista’ jinkiseb għarfien dettaljat dwar il-proċess li l-għeneb jgħaddi minnu qabel isir inbid. Minbarra hekk, wara numru ta’ snin, se tirritorna wkoll il-kompetizzjoni tal-inbid.
Qal “Din id-darba se nkunu qegħdin nagħmluha fuq jumejn għall-ewwel darba, għax xtaqna li nilħqu spettru aktar wiesa’ ta’ nies u b’attrazzjonijiet differenti li jaraw diversi nies. Kien ukoll possibbli grazzi għall-fond minn naħa tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali, kif ukoll il-Ministeru għall-Gvern Lokali li joffru dawn il-fondi li permezz tagħhom isiru possibbli attivitajiet kulturali. ”
Is-Segretarju Parlamentari Allison Zerafa Civelli espremiet is-sodisfazzjon tagħha li kunsilli lokali, fosthom dak tas-Siġġiewi, qed jibbenefikaw minn fondi li jagħmluha possibbli biex jitħejjew avvenimenti li jħaddnu u jiċċelebraw l-kultura Maltija b’mod li joffri divertiment u tagħlim għal familja kollha.
Qalet “Il-qasam tal-Gvern Lokali hu kommess li jkompli jgħin u jinvolvi lill-kunsilli lokali għax min aħjar mill-membri tal-kunsilli lokali tagħna li jafu sew l-irkejjen fil-lokalitajiet tagħna, u għaldaqstant iva permezz tal-fondi li joffri l-Gvern minn żmien għal żmien inkomplu nuru dak kollu li Malta tagħna għandha.”
Tkellimna wkoll ma’ Karmenu Schembri, membru tal-Grupp Armar Siġġiewi, li spjegalna l-armar li mistenni jsir għall-okkażjoni.
Qal “Ħa narmaw il-pjazza bl-arbli u l-bandalori għal dawk il-jumejn biex ikun hawn atmosfera ta’ festa, kif ukoll f’dawk il-jumejn se nkunu parteċipi u s-Sibt filgħaxija ħa nkunu qed nagħmlu ikla tradizzjonali Maltija.”