In-neputija tal-familja Theuma, li aktar kmieni dan ix-xahar inqerdilhom kollox fin-nirien li ħakmu r-residenza tagħhom f’Ħal Luqa, irringrazzjat lil dawk kollha li b’xi mod għenu lil familtha. Dan hekk kif matul din il-ġimgħa nies tal-lokal u kif ukoll oħrajn minn madwar il-gżejjer Maltin, laqgħu t-talba għall-għajnuna u taw minn dak li setgħu biex itaffu ftit is-saram li kellha tgħaddi minnha din il-familja.
Fil-messaġġ tagħha hi kitbet kif hi u familtha jinsabu mingħajr kliem għall-għotjiet u d-donazzjonijiet li rċevew iz-zijiet tagħha – ġimgħa li sejħulha bħala waħda inkredibbli.
Kien fis-17 ta’ Novembru li nirien li bdew mill-garaxx fejn kien qed jinżamm presepju nfirxu u ħakmu l-bqija tar-residenza. Wara sigħat twal ta’ ħidma mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili, tant li komplew sal-jum ta’ wara, il-familja Theuma sfortunatament tilfet kollox fin-nirien – saħansitra anke l-kelba tant maħbuba tal-familja.
Kien minn hemm li l-komunità Luqija flimkien bl-għajnuna tal-kumplament tal-MAltin u Għawdxin saret ġabra sabiex jgħinu lill-familja Theuma – li għalkemm forsi mhux se ġġib lura dak kollu li tilfu, dawn l-għotjiet żgur se jservu ta’ għajnuna kbira.