Kont inħoss it-tarbija tiċċaqlaq ġo fija, kont inħoss qalbha tħabbat ġo fija, kienet ħajja u imbagħad sabbtuli ’l bieb f’wiċċi meta tlabt għal funeral dinjituż ta’ tarbija li twieldet mejta.
Dawn kienu s-sentimenti li qasmet magħna Martha, isem fittizju ta’ omm li aktar kmieni din il-ġimgħa rrakontat kif minħabba kundizzjoni rari korriet diversi drabi, u żewġt itrabi minnhom twieldu qabel iż-żmien.
Meta kienet ċemplet lil Kurja biex tagħmel funeral privat, dawn dlonk ma rrikonoxxewx il-ħajja li kienet qed iżomm f’ġufha.
F’intervista oħra li tatna wara li ħassitha ferm imweġġa’ b’kummenti iebsa minn membri tal-kleru, spjegat b’mod ċar xi xtaqet tagħmel f’mument wisq ta’ dieqa wara lil dik li tant ġarret fiha b’tant imħabba marret għand il-ħallieq.
Martha qalet li “Fl-aħħar mill-aħħar lil din it-tarbija f’din iċ-ċirkustanza, apparti l-imħabba kbira lejha, mill-ġenituri lejha li żgur ma tispiċċa qatt, xi stajt intiha? Funeral dinjituż.”
Fid-dawl tal-kummenti ferm iebsa tas-saċerdot Ryan Lee Pace, fosthom li din hi storja ffabrikata, din il-mara qaltilna li bagħtet imejl lill-Arċisqof.
Dan tal-aħħar, fl-aħħar jiem wera x-xewqa li jiltaqa’ mal-mara, iżda wara r-reazzjoni iebsa tas-saċerdot fuq il-midja soċjali, għażlet li ma tkomplix tiftaħ feriti.
B’mod ċar u tond qaltilna li hi mhux qed titlob apoloġija iżda spjegat kif ma tistax taħbi l-weġgħat tagħha wara li għal darb’oħra membri tal-Kleru weġġgħuha bid-dikjarazzjonijiet tagħhom.
Martha sostniet li “Onestament stennejt li f’xi ħin, dan il-qassis jagħmel eżami tal-kuxjenza u jirrealizza, li dawn il-kummenti b’xi mod jistgħu jweġgħuni. Pero’ sfortunatament, le, dan baqa’ għaddej ġurnata wara l-oħra u jkolli ngħid li għandu daqxejn immaġinazzjoni fertili mhux ħażin biex wasal għall-konklużjoni li storja daqshekk ta’ uġigħ ta’ qalb, sewwa? Tista’ tkun iffabrikata u li mhijiex ġenwina.”
L-appell ta’ Martha huwa li jkun hemm pożizzjoni komuni fid-djoċesi ta’ Malta biex trabi li jitwieldu mejta qabel iż-żmien ikunu rikonoxxuti bħala ħajja li għandha tirċievi tislima dinjituża anki permezz ta’ funeral privat u mhux biss darba f’sena waqt quddiesa tal-erwieħ.
Qalet “Nemmen li l-Arċidjoċesi ta’ Malta għandhom ikunu pożittiviu minn din l-istorja jinħolqu policies li jkunu għal kullħadd u d-deċiżjoni ma tibqax fil-preogrativa tal-Kappillan jew l-Arċipriet tar-raħal.”
Intant din il-mara, li tul ħajjitha għaddiet minn martirju biex ikollha l-ulied, temmet l-intervista tispjega kif huwa inġust li qed jintqal diskors iebes fil-konfront tal-ġenituri li jużaw kull mezz legali bħall-IVF biex inisslu l-ulied.
Martha qalet “L-infertilitá, sewwa? Tista’ tolqot lil kullħadd.M’għandiex razza, m’għandiex reliġjon, m’għandiex kulur, m’għandiex klassi soċjali.”