Hekk kif bħalissa hemm għall-konsultazzjoni pubblika l-prinċipji dwar l-Ewtanasja Volontarja Assistita għal persuni b’mard terminali, bosta persuni qed jaqsmu l-esperjenzi personali f’dan ir-rigward.
Fil-programm ‘Sibt il-Punt’ fuq ONE Radio, Maltija tkellmet dwar esperjenza li għadda minnha ħabib tagħha Olandiż u li kien ħariġlu aktar minn kanċer wieħed terminali u għażel li, f’pajjiżu, jirrikorri għall-ewtanasja, għax ma felaħx aktar għat-tbatija fl-agunija li kien għaddej minnha.
Il-mara, li ċemplet waqt il-programm, semmiet kif l-ewtanasja assistita saret bl-aktar mod dinjituż.
Fl-intervent tagħha, il-mara għamlet anke aċċenn dwar il-fatt li l-ħabib tagħha ta l-kunsens assolut tiegħu.
“Jien assistejt fl-Olanda, kien iħobb jiġi ħafna Malta, għax kien iħobbha, kien fih raġel u lqajnih l-ajruport f’wheelchair, filli fih raġel u filli kien qisu tifel, kellu aktar minn kanċer wieħed u l-ewtanasja, li assistejna, mhux għal kemm taqbad u jagħmlulek l-ewtanasja, tela’ maġistrat minn Malta, tela’ professur, it-tabib tiegħu, psikjatra u kien f’sensih biex jiffirma li hu jridha.”
“Jien rajt it-tbatija ta’ dan ir-raġel li kien iħobb lil Malta qabel, għamel l-ewtansja, ġie lqajnih l-airport, għax ried jiġi jara għall-aħħar darba Malta u anke żżewweġ Malta. Il-maġistrat li tela’ hu Malti u, bil-permessi kollha tiegħu, kien jaf xi jrid u miet trankwill.”
Il-prinċipji fid-dokument, li jinsab għall-konsultazzjoni pubblika f’pajjiżna, jipprovdu, fost oħrajn, li l-ewtanasja volontarja assistita tista’ tintalab biss minn persuni li għalqu t-18-il sena, li jkunu qegħdin ibatu b’marda terminali u li medikament tkun ġiet iċċertifikata li se ttemm il-ħajja tal-persuna fi żmien sitt xhur.
Minbarra hekk, jiġi speċifikat li I-anzjanità, id-diżabilità u/jew kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali ma jistgħu qatt ikunu r-raġunijiet biex persuna titlob I-ewtanasja volontarja assistita.