Il-Pulizija għadhom kif arrestaw raġel b’relazzjoni ma’ tiri li ġew sparati quddiem l-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Ankara, ftit sigħat wara li l-Ambaxxatur Russu għat-Turkija nqatel.
Sorsi qalu li r-raġel ħareġ arma li kienet moħbija fil-ġakketta u spara madwar tmien tiri fl-ajru. Hu twaqqaf mill-gwardji tas-sigurtà tal-Ambaxxata stess.
Fortunatament ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.
Intant Pulizija Tork qatel lill-Ambaxxatur Russu għat-Turkija Andrey Karlov wara sparatura f’Ankara it-Tnejn filgħaxija, aktarx b’protest għall-involviment tar-Russja f’Aleppo
Il-qattiel spara minn tal-inqas tmien tiri waqt li għajjat il-kliem Allahu Akbar.
Il-każ seħħ waqt esibizzjoni artistika fiċ-Ċentru tal-Arti kontemporanja f’Ankara.
Il-qattiel ġie identifikat bħala ġuvni ta’ 22 sena u għadu mhux ċar jekk kellux rabtiet ma’ xi grupp partikolari.
L-attakk sar jiem biss wara protesti fit-Turkija dwar l-appoġġ li r-Rusja qed tagħti lill-President Sirjan Bashar al Assad.
B’reazzjoni l-President Tork, Recep Tayyip Erdogan tkellem mal-President Russu Vladimir Putin u qalu li t-tnejn qablu li kienet att ta’ provokazzjoni.
Intant, fil-ħin li ġej, grupp ta’ investigaturi Russi mistennija jaslu fit-Turkija biex jinvestigaw aktar dwar dan il-każ.