Dalgħodu ġiet inawgurata l-estensjoni, b’investiment ta’ €3 miljun, li biha ċ-Ċentru tad-distribuzzjoni tal-elettriku ta’ Wied il-Għajn biex b’hekk irdoppjat il-kapaċità li dan għandu.
Fil-fatt iċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni issa għandu kapaċità ta’ 45 MVA fejn qabel kellu kapaċità ta’ 22.5 MVA.
Dan iċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni se jkun qiegħed isaħħaħ il-provvista tal-elettriku minn Marsaskala sa Birżebbuġa, inkluż iż-Żejtun, Ħaż-Żabbar u Marsaxlokk.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, Jonathan Cardona spjega kif l-investiment kien jinvolvi l-installar tat-tielet transformer u estensjoni tal-iswitchgear.
L-estensjoni ta’ dan iċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni jgħaqqad ma’ pjan ta’ azzjoni li se jkun qiegħed jinvesti madwar €90 miljun fuq partijiet differenti tan-network tal-elettriku minn substations ġodda sa interventi fit-toroq residenzjali.
Il-Ministru Miriam Dalli innotat kif permezz ta’ dan l-investiment l-Enemalta se tkompli tassigura servizz ta’ kwalità li jlaħħaq mad-domanda li dejjem qed tiżdied għall-elettriku. Dan anki fid-dawl li pajjiżna qiegħed jaddotta strateġija ta’ elettrifikazzjoni b’miri ambjentali lejn enerġija li ma tipproduċix emissjonijiet.


