Dokumentarju dwar delitt f’Malta madwar 150 sena ilu kiseb żewġ unuri prestiġġjużi fil-Ġermanja u fl-aħħar jiem ukoll fl-Istati Uniti.
Id-dokumentarju dwar id-delitt ta’ Duminka Galea magħrufa bil-laqam tagħha ‘Kużra’, sar taħt id-direzzjoni ta’ Lara Azzopardi waqt l-istudji tagħha tal-Masters fl-Università ta’ Malta.
One News tkellem ma’ Lara, li spjegat li l-aħħar unur li għad-dokumentarju ntrebaħ f’Atlanta fl-Istati Uniti. Dan id-delitt jimmarka l-ewwel qtil li kien jinvolvi każ ta’ stupru f’Malta.
Qalet kif, “Kien l-ewwel storja rrekordjata fl-istorja kriminali ta’ Malta fl-1869 li fil-fatt kien l-ewwel darba li nqatlet mara li kienet wara abbuż sesswali din il-mara nstabet ġo bir ġewwa l-limiti tan-Naxxar.”
Spjegat ukoll kif id-dokumentarju jinkludi l-element ta’ ambigwità li kkaratteriżża l-qtil tat-tfajla ta’ 18-il sena.
Spjegat, “F’dan id-dokumentarju jiena nkun qed nitratta ħafna l-ambigwità u l-mistoqsija ta’ li ma nafux eżatt x’ġara dak iż-żmien. Mela għandna l-Qorti li kienet bit-Taljan u b’hekk għandna l-Prosekuzzjoni li hija għaddeja u ħadd ma qed jifhem xejn għax hija l-lingwa tas-sinjuri. Meta eventwalment tinqata’ l-kundanna u s-sentenza wara 3 ijiem u ma nafux min kien qatel lil Kużra sempliċiment qegħdin nimxu fuq ix-xhieda.”
Id-dokumentarju jistaqsi wkoll dwar il-limitazzjonijiet fis-seklu dsatax biex jiġi investigat każ ta’ qtil fosthom in-nuqqas tal-element xjentifiku bħat-testijiet tad-DNA.
Qalet, “Dħalt ħafna fil-profond tal-ambigwità tal-istorja u ħallejt f’idejn l-individwu li qed jara l-istorja sabiex hu fl-aħħar mill-aħħar jkun jista’ jagħti l-kundanna tiegħu, il-perċezzjoni tiegħu f’idejh.”