X’se jsir? Din hija l-kanzunetta rebbieħa tal-erbgħin edizzjoni tal-festival tal-kanzunetta Maltija, l-Għanja tal-Poplu. Kanzunetta kantata minn Corazon Mizzi.
Dan ma kienx l-unika unur li rebħet din il-kantanta, hija rnexxielha tirbaħ ukoll il-kategorija tal-aħjar kantawtriċi.
Fl-ewwel kummenti tagħha fuq is-sit soċjali ta’ Facebook, l-kantanta stqarret li ħassitha ferħana se ttir li l-kanzunetta ġiet apprezzata u ppremjata f’dak li ddeskriviet bħala l-aktar festival ta’ prestiġju fejn tidħol il-mużika Maltija.
Fit-tieni post kklasifikat il-kanzunetta “Ta’ Bil-Lejl”, kantata minn Neville Refalo bi kliem ta’ Paul Ellul u mużika ta’ Mark Spiteri Lucas. Kisbet it-tielet post il-kanzunetta “Mellisni”, kantata minn Michela Bajada, kliem ta’ Joe Chircop u muzika ta’ Mark Spiteri Lucas.
L-aqwa interpretazzjoni kienet dik ta’ Nadine Fenech bil-kanzunetta “Il Biża’ u jien” li interpretat b’mod imqanqal ħafna peress li l-kanzunetta kienet titkellem dwar esperjenzi personali li għaddiet minnhom il-kantanta.
Dan filwaqt li l-aqwa tema soċjali intrebħet mill-kanzunetta “Ta’ Bil-Lejl” tal-awtur Paul Ellul li titkellem dwar l-importanza ta’ ħin ta’ kwalita’ li għandu jingħata lill-ulied. It-talent żagħżugħ rebħu l-kantant Jurgen Xerri, kantant pjuttost ġdid fix-xena mużikali.
“Din mhux rebħa tiegħi – dan hu t-trijonf tal-kanzunetta bil-malti!” Dawn kienu l-ewwel kummenti tal-kantanta Corazon ftit tal-mumenti biss wara li rebħet l-Għanja tal-Poplu ta’ din is-sena.