Il-President tal-Parlament Ewropew u l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola lbieraħ rikbet fuq is-suċċess tal-industrija tal-films f’pajjiżna biex, bħall-partit populista tagħha, tirbaħ ftit punti politiċi, anke jekk żgur ma kellha l-ebda mertu f’dan kollu.
Fuq il-profil tagħha ta’ Instagram, Metsola ħabbret li kienet se tindirizza l-premiere tal-film ‘Gladiator II’ fi Brussell, u dan jagħmilha onorata ladarba juri xeni ta’ wirt inkredibbli, mit-toroq xemxin tal-Belt Valletta u l-Imdina sal-meravilja tal-Forti Manoel.
Iżda, kif jaf kulħadd, bħala parti mill-Partit Nazzjonalista, hi wkoll kienet parti minn kampanja ta’ attakki insensati u sabotaġġi kontra din in-niċċa ekonomika f’pajjiżna.
Aktar u aktar meta raw li, fl-aħħar snin, din l-industrija kienet qed titqajjem sew fuq saqajha wara l-miżerja li ħallewha fiha huma sal-2013.
Dawn saħansitra instigaw investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali dwar il-Kummissjoni Maltija tal-Films, taħt it-tmexxija ta’ Johann Grech, u l-infieq li sar fl-aħħar snin biex pajjiżna jkompli jsir iżjed kompetittiv f’industrija globali li qed tkompli tevolvi.
Minkejja dan, rapport mill-istess Awditur Ġenerali fl-aħħar jiem sab li l-investimenti, li għadhom qed isiru, inkluż fl-infrastruttura, huma importanti, waqt li anke l-cash rebate lill-produtturi internazzjonali rnexxielhom jiġġeneraw miljuni kbar f’diversi setturi tal-ekonomija u allura qed jagħtu valur akbar għall-flus li qed jintefqu.
Is-suċċess tal-industrija tal-films f’pajjiżna wkoll jirrikonoxxuh l-akbar artisti ċinematografiċi tal-mument, inklużi dawk mill-film epiku ‘Gladiator II’, bħad-direttur Ridley Scott innifsu u l-atturi ċelebri Denzel Washington.