L-erbatax ta’ Frar. Il-jum li fih id-dinja tfur bl-imħabba fejn il-kulur aħmar jispikka, il-qlub iħabbtu sitta sitta u l-anġli bil-vleġeġ ikollhom jum ta’ ħidma quddiemhom.
Huma bosta li juru l-imħabba tagħhom permezz ta’ rigal u għaldaqstant diversi koppji jiddeċiedu li juru u jiċċelebraw l-imħabba tagħhom b’xi platt bnin quddiemhom.
B’hekk dan l-istazzjon żar ristorant popolari fil-qalba tal-kapitali biex isegwi t-tħejjijiet għal Jum San Valentinu.
Iltqajna ma’ Ramona Preca, sid ta’ ristorant li spjegatilna x’hemm lest għall-maħbubin f’dan il-jum iddedikat lilhom.
Preca qalet, “Għamilna set menu speċjali għal San Valentinu. Nippreparaw skont l-istaġun ovvjament u dakinhar ħa narmaw ħafna xemgħat mar-ristorant. Aħna propjament kull nhar ta’ Tnejn nagħmlu candlelight allura Valentinu ġie fil-jum tat-Tnejn allura ħa tkun iktar speċjali għalina.”
Dan ir-ristorant lesta wkoll ċikkulata ħelwa daqs l-imħabba bejn il-maħbubin, sabiex il-koppji jtemmu l-ikla b’togħma ħelwa wkoll.
Saħqet, “Dik id-deżerta u ċ-ċikkulatini. Dik inħalluha għall-aħħar. Aħna nippreparaw u mbagħad għall-aħħar jispiċċaw b’togħma ħelwa u bnina.”
Preca qaltilna li kienu bosta li ħasbu qabel biex jirriżervaw il-mejda tagħhom għal din il-festa t’imħabba iżda ma teskludix li ser ikun hemm min jittanta xortih fl-aħħar mumenti wkoll.
Hija stqarret, “Bla booking naħseb jiġu wkoll ovvjament imma bħala bookings mexjin naqra naqra wkoll iġifieri hemm qegħdin ta’ għal dik il-ġurnata, naħseb fadlilna xi ħaġa żgħira biex nimlew peró qegħdin hemm lesti preparati.”