Fil-Parlament, il-Prim Ministru tkellem dwar stqarrija ministerjali li saret mill-Ministru Carmelo Abela fuq l-isplużjoni li seħħet dalgħodu. Huwa qal li s-sitwazzjoni mhix normali u bħala Gvern qed juri tħassib u għandu r-responsabbiltà li jara li fil-pajjiż ikun hawn is-sigurtà.
Madankollu il-Gvern mhux kuntent li l-Oppożizzjoni tipprova tippolitiċizza l-każ. Qatt ma niftakar, qal Dr Muscat, li l-Oppożizzjoni Laburista ppolitiċizzat każi ta’ kriminalità.
Huwa appella lill-Oppożizzjoni biex ma tagħmilx ballun politiku mis-sitwazzjoni u għandha tara li l-Kamra tibgħat lill-kriminalità organizzata li mhux se jħallihom iweġġgħu nies innoċenti.
Il-Ministru Abela qal li l-Gvern lill-kriminalità organizzata qed jiġġildilha b’kull mezz. Il-Gvern għandu track record u matul dawn l-erba’ snin, minn 23 każ, ġew solvuti 13-il każ u wieħed minnhom, dak ta’ omiċidju, ġie solvut f’inqas minn 24 siegħa.
Il-Ministru qal li x-xenerju minn meta kien hemm l-oppożizzjoni fil-Gvern u llum inbidlet minħabba d-drittijiet li ddaħħlu biex jipproteġu lil dawk li jkunu qed jiġu investigati. Il-gvern għandu fiduċja assoluta fil-pulizija.
L-oppożizzjoni trid skrutinju parlamentari tal-Korp u dan juri li anqas biss qraw l-Abbożż ta’ Liġi dwar il-Pulizija għax hemm cirkostanzi fejn dan l-iskrutinju jsir. Anqas il-unions tal-Pulizija ma qablu li l-Kummissjarju jinħatar b’żewġ terzi tal-Kamra.
Il-Ministru appella lill-Oppożizzjoni biex tkun matura u tbiddel ir-rotta negattiva li qabdet biex tirbaħ ftit puntu politiċi li mhu se jwassluha mkien.