Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana iltaqgħet mal-ewwel Kumitat Reġjonali tal-EkoSkola
għal Għawdex.
L-idea li jitwaqqaf dan il-Kumitat Reġjonali tal-EkoSkola ħarġet minn talba magħmula mill-istudenti
matul laqgħa ta’ rappreżentanti tal-istudenti minn 13-il Kumitat tal-EkoSkola msejħa mill-Ministru,
liema talba ġiet milqugħa immedjatament mill-Ministru għal Għawdex.
Il-Ministru qalet li kumitat bħal dan hu opportunità għall-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva u biex tingħata vuċi liż-żgħażagħ u studenti dwar il-ġejjieni tagħhom.
Waqt din il-laqgħa, l-istudenti semmew għadd ta’ inizjattivi u proġetti li jixtiequ li jiġu attwati f’Għawdex biex jitgawdew mill-ġenerazzjoni preżenti kif ukoll ġenerazzjonijiet futuri. Fost il-proġetti li ssemmew kien hemm il-ħolqien ta’ aktar spazji pubbliċi, sezzjonijiet informattivi dwar irrimi u reċiklaġġ ta’ skart, u l-implimentazzjoni ta’ sistemi li jiġġeneraw l-enerġija b’mod naturali.
Il-Ministru Justyne Caruana irrakkomandat is-somma inizjali ta’ €5,000 biex tassisti fl-implimentazzjoni tal-ewwel proġett li dan il-kumitat se jgħażel biex jaħdem fuqu matul il-ġimgħat li ġejjin. Il-Ministru esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-fatt li l-ewwel laqgħa ħalliet impatt pożittiv u tat l-ispazju lil dawn l-istudenti u żgħażagħ iwasslu leħinhom u jingħataw widen.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Nature Trust – FEE Malta Vincent Attard irringrazzja lill-Ministru Caruana tal-inizjattiva għax din hija mhux biss l-ewwel waħda fil-gżejjer Maltin, imma anke fuq bażi internazzjonali. Hu qal li l-EkoSkola għandha l-għan li tagħti l-poter lit-tfal, u l-fatt li l-Ministru waqqfet dan il kumitat biex tisma’ u tiddiskuti mal-istudenti kwistjonijiet ambjentali fuq bażi regolari huwa pass ‘il quddiem pożittiv ħafna.
Nature Trust issa tittama li dan li sar f’Għawdex iseħħ ukoll f’Malta permezz ta’ aktar kumitati reġjonali simili.