Fl-indirizz tagħha, waqt l-inawgurazzjoni tat-tmien edizzjoni tal-Festival tat-Tin li jittella’ kull sena mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana faħħret din l-inizjattiva kulturali u gastronomika li jorganizza l-Kunsill li issa saret sinonima ma’ dan ir-raħal sabiħ tax-Xagħra.
Justyne Caruana qalet li l-Ministeru għal Għawdex huwa kommess li jkompli jsostni dawn it-tip ta’ attivitajiet għaliex jagħtu valur miżjud lil Għawdex u jtejjeb il-prodott turistiku Għawdxi. Dan hekk kif il-Gvern qed jimplimenta l-istrateġija dwar EkoGħawdex kif ukoll l-ispinta li qed tingħata lill-agrituriżmu fil-kuntest ta’ turiżmu sostenibbli.
Il-Ministru Caruana qalet ukoll li fil-kuntest speċifiku tal-Festival tat-Tin, wara li qamet il-kuxjenza dwar l-isfidi li qed tiffaċja din il-frotta, qed isir xogħol siewi fir-Razzett Sperimentali tax-Xewkija fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex biex din is-siġra endemika tat-tin tkompli titkattar fil-gżira Għawdxija. “Is-siġra tat-tin hi sinonima mal-ambjent Mediterranju u hu għalhekk li rridu nkomplu nipproteġu u nkattru din is-siġra,” qalet il-Ministru Caruana.
Caruana qalet l-Ministeru għandu ppjanati inizjattivi ġodda bħal solar sensitisation u metodi ġodda ta’ kultivazzjoni biex l-biedja f’Għawdex timxi ’l quddiem, u li jipprovdi servizz ta’ informazzjoni u assistenza biex bdiewa Għawdxin jiġu mgħina jgħelbu l-isfidi u jtejbu l-operat tagħhom.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, Clint Camilleri, ukoll faħħar din l-inizjattiva li qed tkompli tippromwovi il-prodott tipiku Malti. Il-Perit Camilleri fakkar kif din is-siġra ilha f’pajjiżna għal 5,000 sena u kienet ta’ nutrizzjoni għall-Maltin u Għawdxin anke fil-perjodu xitwi meta frott u ikel ieħor kien ikun nieqes. Il-varjetajiet ta’ siġar tat-tin jagħtu frott anke darbtejn jew tlieta tul is-sena.
Clint Camilleri semma’ l-inizjattivi mwettqa mid-Direttorat għad-Diversifikazzjoni u l-Kompetittività, fosthom il-Mixtla ta’ San Vinċenz de Paule, li għall-aħħar 16-il sena forniet lill-bdiewa taż-żona b’eluf ta’ siġar tal-frott, fosthom it-tin, u wkoll s-servizz ta’ estenzjoni li jagħti pariri u għajnuna lill-bdiewa. Is-Segretarju Parlamentari semma’ wkoll l-istudju li jinasb għaddej fuq t-tnissil tat-tin permezz tal-mikropropagazzjoni għal skop ta’ konservazzjoni ġenetika.
Il-Ministru Caruana ħeġġet biex kunsilli u organizzazjonijiet oħrajn ukoll ikattru l-għarfien tal-prodott naturali Malti, sabiex tingħata l-ħajja lit-tradizzjonijiet tagħna u spinta ’l quddiem lill-prodott tagħna.
“Huwa ta’ sodisfazzjon li attivitajiet li qed jifformaw parti mill-kalendarju kulturali u tursitiku ta’ pajjiżna jduru mal-prodott naturali Malti,” ikkonkluda is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri.