Sandra Schieda ta’ 48 sena minn Santa Lucija baqgħet tinżamm arrestata wara li tressqet il-Qorti akkużata b’pussess tad-droga mhux għall-użu personali tagħha.
Schieda ġiet arrestata l-Ħadd waqt rejd li wettqu l-Pulizija f’dar privata f’Santa Luċija u li fiha nstabu 50 pakkett b’sustanza suspettata droga kokaina u oġġetti oħra relatati mal-użu u t-traffikar tad-droga.
L-imputata wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Alfredo Mangion oġġezzjonat għal din it-talba minħabba li l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha filwaqt li għad iridu jixhdu x-xhieda.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest madanakollu talbet lill-prosekuzzjoni biex tagħmel l-investigazzjoni tagħha mill-aktar fis possibbli.