Tfajla nżammet arrestat wara li serqet il-fjuwil minn pompi tal-petrol.
Ellie Briffa ta’ 24 sena mill-Mosta kienet se titressaq il-Qorti flimkien mas-sieħeb tagħha Linaeker David Micallef, fuq akkużi ta’ kompliċità b’rabta ma’ serq minn żewġ pompi tal-petrol fl-Imsida u f’Birkirkara, iżda Micallef kellu jittieħed l-isptar wara li ħassu ma jiflaħx.
Hu se jkun qed jitressaq il-Qorti f’każ separat l-ġimgħa li ġejja.
Briffa u Micallef, li kienu fuq bail b’rabta ma’ offiżi oħrajn, ħarbu minn Għassa tal-Pulizija fejn kienu jiffirmaw wara li kienu nfurmati li se jerġgħu jiġu arrestati b’rabta ma’ serq ta’ fjuwil. Huma ġew arrestati wara li qattgħu ġimgħa jaħarbu mill-ġustizja.
Briffa ġiet akkużata li wettqet numru ta’ serqiet li ggravaw biż-żmien, li kienet fil-pussess ta’ eroina u li ma obdietx l-ordni mgħotija mill-Pulizja kif ukoll li ma żammitx mal-kundizzjonijiet li kienu imposti fuqha b’rabta ma’ każijiet preċedenti.
Briffa rrispondiet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba fil-konfront tagħha.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Mark Mercieca u Roderick Spiteri spjegat kif f’Marzu l-Pulizija investigat numru ta’ rapporti ta’ serq ta’ fjuwil minn pompi tal-petrol fl-Imsida u fil-Gżira. Filmati minn kameras tas-sigurtà wrew mara u raġel isuqu vettura tat-tip Kia Mentor jisirqu l-fjuwil. Aktar tard huma ġew identifikati bħala Linaeker David Micallef u Ellie Briffa. Meta ġew arrestati, huma nstabu fil-pussess ta’ droga.
Brigga ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest. L-avukat tagħha, Ishmael Psaila talab biex hi tingħata trattament għall-vizzju tad-droga.
Kif semgħet dan kollu l-Qorti ordnat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex Briffa tingħata l-assistenza kollha meħtieġa hekk kif hi se tibqa’ miżmuma arrestata.