Mary Melsi Maoud ta’ 41 sena minn Nigerja tressqet il-Qorti akkużata li ffalsifikat passaport u li użatu biex issiefer filwaqt li pprovdiet stqarrijiet foloz lill-Pulizija tal-Immigrazzjoni.
Quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, il-Prosekuzzjoni spjegat li Maoud ġiet arrestata fl-ajruport il-Ħadd qabel titjira minn Malta għal Napli.
L-ispettur Karl Roberts spjega wkoll li l-mara ma kkollaboratx mal-investigazzjoni tal-Pulizija.
Wara li ż-żewġ partijiet trattaw fuq il-legalità tal-arrest fil-konfront tal-mara, il-Qorti ddeċidiet li l-arrest kien validu u ġustifikat.
Il-mara wieġbet li mhix ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest. Madankollu, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba u spjegat li l-mara m’għandhiex indirizz fiss fejn toqgħod, filwaqt li diġà ppruvat titlaq mill-pajjiż.
Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest.