Natalie Bonello ta’ 45 sena nżammet arrestata wara li nqdiet bil-Coronavirus u marret ġo dar ta’ anzjana u serqitilha l-ġojjellerija.
Hi wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha.
L-avukat tagħha talbet għall-helsien mill-arrest. Qalet li hija kkoperat mal-pulizija u għenet sabiex tiġi arrestata persuna oħra. L-avukat qalet li hija ma tantx kellha passat feliċi iżda dan l-aħħar bdiet tirriforma ruħha.
Il-Maġistrat Clare Stafrace Zammit qalet li l-anzjani bħalissa mhux jgħixu f’sitwazzjoni feliċi u dak li għamlet seta’ kellu konsegwenza aktar gravi fuq il-vittma. Hija ma setgħetx tifhem x’kuxjenza jrid ikollu biex xi ħadd jagħmel dan l-aġir.
L-ispettur Jonathan Ransley qal li hemm persuna oħra li għad trid tiġi arrestata li hija ħabiba tal-akkużata.
Il-Maġistrat ordnat sabiex tinżamm arrestata.