Shirley Al Omar, ta’ ħamsa u erbgħin sena li tgħix San Pawl il-Baħar qed tinżamm arrestata wara li ġiet mixlija li wettqet serqa fuq żewġ anzjani, f’din l-istess lokalità, flimkien ma’ binha li għandu tlettax-il sena.
Dan il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta ta’ nofsinhar, fi Triq Luigi Preziosi, f’San Pawl il-Baħar, fejn minn investigazzjonijet tal-Pulizija huwa magħruf li l-mara u binha marru jħabbtu fuq il-bieb tad-dar ta’ dawn l-anzjani biex jittalbu għall-flus u sakemm l-anzjani daħlu ġewwa Al Omar allegatament serqet mitt ewro li kien hemm fuq mejda u ħarbet.
L-anzjani kellhom 77 u 81 sena u qalu li Al Omar qaltilhom li binha għandu infezzjoni f’widnejh.
Fil-Qorti ntqal li wara li iżjed tard l-omm u binha nqabdu mill-pulizija, fiż-żarbun tat-tifel instabu moħbija tlieta u disgħin ewro.
Il-Pulizija, bl-assistenza tal-Aġenzija Appogg, ħadet lit-tifel għand qrabatu.